It-tħassib dwar il-Coronavirus qiegħed kull ma jmur ikompli jippersisti hekk kif dan il-virus qed ifeġġ f’pajjiżi viċin tagħna fl-Ewropa.
Net News saqsa lill-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli mhux biss dwar x’miżuri qed jittieħdu fl-ajruport iżda wkoll fil-Cruise Liner Terminal. Għal dan tal-aħħar kollox jidher, li sa issa mhu qed jittieħdu l-ebda miżuri speċifiki ta’ sigurtà ta’ saħħa.
“Irid ikun hemm sett ta’ mekkaniżmi fl-eventwalità għal meta tiġri s-sitwazzjoni”
Intant Julia Farrugia kkonfermat ma’ Net News, dak li diġà konna żvelajna… li fl-aħħar jiem kien hemm suspettat każ tal-Coronavirus fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fl-aħħar jiem id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-awtoritajiet lokali qed iħejju lilhom infushom f’każ li dan il-virus jasal Malta. Infatti, għandu jitwaqqaf ċentru ‘l barra mill-isptar Mater Dei li fih se jkun hemm 12-il sodda biex f’każ li jkun hawn persuni b’dan il-virus jiġu kkurati f’dan iċ-ċentru ta’ iżolament.
Tħejjiet ukoll kamra ta’ iżolament fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll f’kull ċentru tas-saħħa għal azzjoni mmedjata f’kull każ ta’ suspett. Madankollu s’issa baqa’ ma tħabbar xejn fuq x’miżuri qed jittieħdu fil-portijiet tagħna.
//= $special ?>