Lokali Qorti

Erba snin ħabs għal eks- uffiċjal ta’ Identity Malta fuq misappropjazzjoni ta’ €44,456

Eks uffiċjal ta’ Identity Malta u li għandu 64 sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u din ordnatlu wkoll jirrifondi €44,456. wara li nstab ħati ta’ missapproprjazzjoni ta’ fondi tal-istess aġenzija li kien jaħdem magħha.

Fil-Qorti ħareġ kif ufficjali ta’ Identity Malta ssuspettaw li Joseph Calleja, ħa l-flus għalih u dan peress li d-dħul finanzjarju tal-Aġenzija ta’ disat ijiem li kellu jiġi ddepożitati l-bank baqa’ qatt ma ġiex iddepożitat.

Minn investigazzjoni nterna li għamlet l-Aġenzja nstab li kien hemm aktar minn €44,400 nieqs u diskrepanzi bejn id-dħul u l-ammont imniżżel fl-irċevuti.

Identity Malta kkonfrontat lil Joseph Calleja mill-Mosta li kien jaħdem fis-sezzjoni tal-passaporti u sabitlu mal-€1,500 fi flus kontanti fil-bwiet tiegħu. Sabet ukoll numru ta’ safe deposit bags fl-iskrivanija tiegħu u aktar tard il-pulizija sabulu wkoll safe deposit bags b’ċekkijiet u flus kontanti fid-dar tiegħu.

Meta kien ġie kkonfrontat, Calleja kellu madwar €1,500 fil-bwiet tiegħu, fejn huwa qal li dawn kienu nġibdu mill-kont personali tiegħu aktar kmieni mal-ġurnata. Madankollu numru ta’ boroż li jintużaw biex jiġu depożitati l-flus ta’ Identity Malta nstabu fuq l-iskrivanija tiegħu u fejn ipoġġi l-kolazzjon.

Aktar tard, huwa qal li ma kienx jaf fejn kien għamel il-boroż mimlijin bil-flus. Wara li l-affari kkwietat u konxju li kien inqabad kien mar aktar tard jiddepożita xi boroż tal-flus il-bank.

Il-Qorti nnutat li Calleja kien inkonsistenti ħafna fix-xhieda tiegħu fuq x’għamel eżatt bil-flus. Espert tal-kitba kkonferma wkoll li ċertu figuri fuiq dokumenti tal-aġenzija kienu miktubin darbtejn, ikkanċellati jew kellhom kitba fuq kitba, b’xi numri wkoll jiġu mbagħbsa. Il-firem kienu qablu ukoll mal-firem ta’ Calleja.

Sadanitaant il-Pulizija sabet numru ta’ boroż (safe deposit bags) li kien fihom flus kontanti u ċekkiiet, fil-bagalja tiegħu li kienet fir-residenza tiegħu.

Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha fuq misappropjazzjoni. Madankollu Calleja ma nstabx ħati li wettaq frodi.

Dwar il-piena, l-Qorti osservat li dan ir-reat ma kienx ta’ darba minn naħa tal-ħati, iżda kien numru ta’ nċidenti li jinvolvu somma sostanzjali ta’ flus u dan jirrifletti tradiment u nuqqas ta’ serħan il-moħħ minn naħa ta’ uffiċjal. Huwa ġie orsdnat ukoll iħallas €4,242 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee.

.