Lokali

Fearne jwaħħal f’Robert Abela dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi

Tasal il-konferma minn Chris Fearne, kien il-Prim Ministru Robert Abela li għażel lill-eks Ministru Konrad Mizzi għall-pożizzjoni tal-OSCE.

“Le dik kienet deċiżjoni tal-Prim Ministru, ma kinitx deċiżjoni tiegħi”.

Dan ikkonfermah Fearne nnifsu hekk kif il-Ġimgħa ġie intervistat waqt il-programm Xarabank fuq ix-xandir tal-istat.

Wara l-pressjoni u r-rabja mill-Oppożizzjoni u mis-Soċjetà Ċivili flimkien mal-pubbliku, il-Prim Ministru Robert Abela kellu jagħmel u-turn, fejn wara biss tnax-il siegħa, waqqaf il-ħatra li l-eks Ministru Konrad Mizzi ngħata fl-OSCE.

Issa, mingħajr esitazzajoni kien Chris Fearne li tefa’ r-responsabbiltà fuq Robert Abela, li kien hu li għażel lil  Konrad Mizzi.

Kmieni t-Tlieta filgħodu, il-Gvern ħareġ stqarrija fejn iħabbar li kien se jirtira n-nomina ta’ Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) – kariga li ġabet magħha kritika fil-konfront tal-Gvern Malti anke mill-istituzzjonijiet Ewropej. Fl-istess stqarrija, il-Gvern qal li talab parir legali dwar il-validità tal-kuntratt l-ieħor li ngħata l-istess Konrad Mizzi għal konsulenza mal-MTA b’salarju ta’ 80,000 ewro fis-sena.