Lokali

Il-Forzi Armati jsalvaw 47 immigrant … jiddaħħlu f’Malta

Il-Forzi Armati ta’ Malta wettqu ħidma ta’ salvataġġ ta’ 47 immigrant li kienu maqbuda bejn sema’ u ilma fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna. Is-salvataġġ sar 43 siegħa wara li dawn ġew innutati għall-ewwel darba.

Dan wara li l-għaqda mhux governattiva Alarm Phone, matul il-ġurnata, akkużat lil pajjiżna li qed jinjora t-talbiet tal-għajnuna u saħansitra tefgħet ir-responsabbilta fuq pajjiżna jekk dawn jegħrqu.

Id-dgħajsa bl-immigranti, li hu rrappurtat li kienu fil-periklu, ġiet osservata għall-ewwel darba mill-ajruplan tal-għaqda Sea Watch 3. Eventwalment, ftit wara t-20:00 tas-Sibt filgħaxija, il-Forzi Armati bagħtu wkoll l-ajruplan B200 tal-Armata biex janalizza s-sitwazzjoni.

Il-ħidma tal-Forzi Armati kienet waħda delikata hekk kif jirriżulta li dawk abbord mhux liebsa life jackets u d-dgħajsa kienet qed tirriskja li tinqaleb għax hi ppakkjata bl-immigranti.

Iżda minkejja dan is-salvataġġ, il-Gvern Malti qed jirċievi wkoll akkużi serji mit-tmexxija tal-Open Arms, li daħħlet 363 immigrant f’Lampedusa.

Dan hekk kif din l-għaqda mhux governattiva qed takkuża lil Malta li rrifjutat anke evakwazzjoni medika lil dawn l-immigranti, minkejja li ġew salvati fiż-żona ta’ pajjiżna.

Jekk dawn l-akkużi jkunu konfermati, pajjiżna saħansitra jista’ jaffaċċja problemi legali fuq livell internazzjonali.