Futbol Sport

Informazzjoni għall-pubbliku għall-konfront Floriana v Valletta

(Ritratt: Trevor Sollars)

B’kollaborazzjoni mal-pulizija, il-Malta Football Association ħarġet komunikat dwar l-arranġamenti tat-traffiku u l-immaniġġjar tan-nies li se jattendu għal-logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier li se jintlagħbu għada bejn Floriana u Valletta fis-2.00pm u Hibernians v Sirens fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali. Il-bibien se jinfetħu fin-12.30 u l-allokazzjoni tal-partitarji hi: Floriana (West A), Valletta (West C u Millenium D), Hibernians (Millenium F), Sirens (Millenium D)

Il-partitarji huma mħeġġa biex jaħsbu kmieni fi triqithom lejn l-Istadium Nazzjonali. Il-partitarji ta’ Floriana u ta’ Hibernians għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ tal-West Stand (Enclosure) u fit-triq li tmiss ma’ Triq Durumblat. Huma wkoll avżati biex jagħmlu triqithom lejn l-Istadium Nazzjonali miż-żona tal-Mosta (Durumblat).

Il-partitarji ta’ Valletta huma mħeġġa biex jieħdu r-rotta Mrieħel-Attard fid-direzzjoni ta’ St Catherine’s Home, fi Triq il-Pitkali lejn il-BOV Adventure Park u ż-żona tal-MFCC u l-Millennium Stand. Il-partitarji ta’ Valletta u ta’ Sirens għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fiż-zona tal-Millennium Stand u l-BOV Adventure Park.

Il-coaches tal-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw wara s-South Stand (fuq in-naħa tal-iscoreboard), iħarsu lejn il-Gym tal-MFA biex imbagħad joħorġu miż-żona ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-coaches tal-partitarji ta’ Floriana u Hibernians għandhom jipparkjaw ħdejn id-daħla tal-MFA Training Grounds.

It-triq Ii twassal mir-roundabout tal-Mtarfa, ħdejn iċ-Ċimiterju Militari, sal-Kumpless tal-Basketball u l-Millennium Stand, se tkun magħluqa għat-traffiku fid-direzzjoni lejn l-Istadium Nazzjonali. L-istess triq se tkun miftuħa għat-traffiku ħiereġ mill-Istadium Nazzjonali wara l-partita.

Fi tmiem tal-ewwel partita, dik bejn Floriana u Valletta, il-partitarji ta’ Valletta għandhom joħorġu mill-bieb tal-Millennium D. Dawk ta’ Floriana, għandhom joħorġu mill-bieb tas-settur West A. L-MFA tħeġġeġ lill-pubbliku biex isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-istaff tal-istadium, mill-uffiċjali tas-sigurtà kif ukoll mill-uffiċjali tal-pulizija fil-ġurnata tal-logħbiet.

Trophies Lounge (Millennium E)

Il-prezz għas-settur tal-Millennium E huwa ta’ €15. Partitarji li jilbsu flokkijiet jew ilbies ieħor bl-arma jew kuluri tat-timijiet rispettivi mhux se jitħallew jidħlu fit-Trophies Lounge (Millennium E).