Lokali

Ir-rabtiet li nittamaw li għandhom jibqgħu jiġġeddu

Illum waqt li r-Renju Unit qiegħed jimmarka l-ewwel jum tiegħu barra mill-Unjoni Ewropeja l-Partit Nazzjonalista jappella sabiex jsiru l-isforzi possibbli sabiex ir-rabtiet li kellna ma nitilfuhomx imma nġedduhom.

Fi stqariija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Catmelo Mifsud Bonnici u mis- Segretarja Internazzjonali Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalsita saħaq li l-volontà popolari kif espressa erbgħa snin ilu mill-poplu trid tiġi rispettata ċertament. Imma dan ma jfisserx li ser naqtgħu l-iskambju kummerċjali, kulturali u soċjali li fl-aħħar mitejn sena nbnew, għax aħna iktar viċin ta’ xulxin fuq pożizzjonijiet varji. Pajjiżna, ma hemmx dubju, b’mod speċjali f’dan il-mument partikolari, ser jitlef alleat naturali fi ħdan l-mejda u l-kapitolu tal-Unjoni Ewropea.

Mhux biss, imma nagħrfu li l-kummerċ li kiber għax l-libertajiet Ewropej sarfu biex nixtru u nbiegħu malajr ser jkollu daqqiet lura. Hemm volum ta’ negozju li kien żdied għax sar iktar veloċi u faċli li għandna naraw kif nistgħu nżommu. Dan ser issa jibda jnaqqas fir-ritmu. Nagħmlu x’nagħmlu l-effett tal-ħruġ huwa li jridu jinbnew toroq tan-negozju ġodda li m’aħniex kunfidenti li ser jkollhom l-istess saħħa ta’ dak li kellna.

Mhux biss, imma nagħrfu li jkunu x’jkunu l-isforzi tagħna hemm effetti negattivi għad-diversi ċittadini ta’ pajjiżna li jgħixu fir-Renju Unit. F’dawk li huma d-drittijiet tar-residenza tagħhom, fid-dritt li jaħdmu u jiċċaqilqu faċilment. Fid-drittijiet soċjali tagħhom. Sitwazzjonijiet partikolari li nittamaw li jkun hemm attenzjoni u sensittività.

Għalhekk fil-Partit Nazzjonalista  m’aħniex fost dawk li ser niċċelebraw f’dan il-jum.

Ninsabu anzi nkwetati ħafna fuq dak li ser jiġri lilhom u lilna fil-livelli varji. Kemm kull pajjiż huwa preparat jew kapaċi jipprepara ruħu biex l-effetti jkunu inqas qawwija milli qed naraw għad irridu mmissu miegħu tul s-sena li għandna quddiemna.

Nistgħu nittamaw li r-rabtiet tagħna ma jonqsux. Nistgħu anzi nittamaw li jkonna l-assigurazzjoni li d-diplomazzija Maltija jirnexxiela tinnegozja u tnaqqas dak li qiegħed jidher daqshekk drastiku.Għalhekk filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jittama u jinsisti li ma nippermettux li r-rabtiet tajba ħafna li kellna jintilfu, irid jassigura li da parti tiegħu ser jagħti sehmu sabiex l-effett ta’ din id-deċiżjoni jkollha l-inqas effetti negattivi possibbli.