Internazzjonali

Ir-Renju Unit uffiċjalment barra mill-UE: 11-il xahar biex jintlaħaq ftehim finali

Mat-tokki tal-11p.m. fir-Renju Unit (nofsillejl fil-kontinent Ewropew), ir-Renju Unit uffiċjalment ħareġ mill-Unjoni Ewropea. Dan wara tliet snin u nofs mir-referendum ta’ Ġunju 2016. Il-mument kien imfakkar permezz projections mal-faċċata ta’ 10 Downing Street u recording tal-Big Ben idoqq it-tokki tal-11p.m.

F’diskors tal-okkażjoni, il-PM Boris Johnson qal li għal ħafna, “dan il-mument hu ħolma li qed issir realta’. Għal oħrajn, dan hu mument ta’ ansjeta’ u sens ta’ telf u għal oħrajn; forsi l-ikbar grupp, li beda jinkwieta li din il-kwistjoni qatt m’hu se tissolva”. Kompla li issa hu d-dmir ta’ kulħadd li l-pajjiż ikompli jimxi ‘l quddiem. “Minkejja l-kwalitajiet tajbin tagħha, f’dawn l-aħħar 50 sena, l-UE evolviet lejn direzzjoni li m’għadhiex tgħodd għalina”, sostna Johnson.

Kien hemm dimostrazzjonijiet kemm ta’ ferħ kif ukoll ta’ sogħba biex jimmarkaw il-mument. F’ħafna pubs u postijiet pubbliċi oħrajn, saru ċelebrazzjonijiet għal Brexit, bl-avveniment ewlieni jkun quddiem il-Parlament f’Londra.

Min-naħa l-oħra, iktar kmieni saret dimostrazzjoni f’Whitehall minn nies favur is-sħubija filwaqt li fl-iSkozja saru diversi vġili biex jimmarkaw il-jum.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, kien hemm numru ta’ protesti minn komunitajiet li jistgħu jispiċċaw bi fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

X’inbidel s’issa?

Fl-immedjat ma inbidel xejn hekk kif ir-Renju Unit se jkompli josserva r-regolamenti daqslikieku għadu Membru u l-liġijiet tiegħu se jibqgħu allineati ma’ dawk Ewropej. Fi kliem sempliċi, il-moviment ħieles tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital se jibqgħu kif inhuma.

Issa, iż-żewġ naħat daħlu fi żmien ta’ transizzjoni hekk kif se jibdew in-negozjati sabiex isir ftehim aħħari bejn ir-Renju Unit u l-UE fuq diversi oqsma. Fi 11-il xahar, iż-żewġ naħat iridu jiftiehmu fost oħrajn dwar kummerċ ħieles, ko-operazzjoni dwar is-sigurta’ u s-sajd.