Rugby Sport

L-Irlanda u Wales jiftħu s-Six Nations b’rebħa

(Ritratt: Six Nations)

Dsatax-il punt ta’ Johnny Sexton kienu determinanti biex il-kowċ Andy Farrell jiddebbutta b’rebħa hekk kif l-Irlanda rebħet 19-12 kontra l-Iskozja f’logħba missielta. L-Iskozja kellha diversi okkażjonijiet fosthom meta Stuart Hogg waqqa’ l-ballun wara t-try-line fil-50 minuta.

Sexton għamel try, conversion u erba’ penalties, filwaqt li l-punti tal-Iskoċċiżi waslu kollha minn Adam Hastings. L-Irlanda kellha vantaġġ ta’ 10-6 fil-ħin tal-mistrieħ, bil-vantaġġ jikber bi tliet punti oħra fil-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Sexton.

Hastings naqqas id-distakk għal 13-9, sakemm Sexton skorja penalty ieħor fis-57 minuta, b’Hastings jerġa’ jwieġeb għall-Iskoċċiżi. Għalkemm Sexton skorja r-raba’ penalty personali, l-Iskoċċiżi baqgħu jpoġġu l-pressjoni sat-tmiem iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed biex jevitaw it-telfa.

Fil-logħba l-oħra, Josh Adams skorja tripletta hekk kif Wales bdiet id-difiża tas-Six Nations b’rebħa kbira ta’ 42-0 kontra l-Italja. Ir-rebħa qatt ma kienet f’dubju wara li Adams kiseb żewġ tries fl-ewwel 12-il minuta u għen lil Wales jiksbu 21 punt vantaġġ man-nofs siegħa logħob.

Hu kellhom jistennew għal 28 minuta biex kabbru l-iskor u l-frustrazzjoni bdiet tikber hekk kif Wales bdew jippruvaw jiksbu punt żejjed. Dan għamluh erba’ minuti mit-tmiem permezz ta’ George North, b’Adams jgħaqqad it-tripletta fl-aħħar attakk tal-logħba.

Six Nations

Illum: Wales v Italja 42-0, Irlanda v Skozja 19-12

Għada: Franza v Ingilterra 4.00pm