Futbol Sport

Liverpool ikomplu fit-triq tar-rebħ u jilħqu r-rekord ta’ Manchester City

(Ritratt: EPA)

Liverpool komplew bil-mixja trijonfali lejn ir-rebħ tal-ewwel kampjonat fi 30 sena b’rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Southampton f’Anfield. Intant, ir-rebħa kellha sinifikat partikolari għaliex biha, ir-Reds laħqu r-rekord li kienu waqqfu Manchester City bl-20 rebħa konsekuttiva f’darhom fil-Premier League Ingliż. Is-Saints taw wirja tajba fl-ewwel 45 minuta u kienu ta uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża tar-Reds, b’Danny Ings u Shane Long imorru qrib li jiżblokkaw ir-riżultat.

Madankollu Southampton spiċċaw dell ta’ dak li kienu wara li kmieni fit-tieni taqsima, Alex Oxlade-Chamberlain sab l-ispazju biex għeleb lill-gowlkiper McCarthy b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka. Il-captain ta’ Liverpool, Jordan Henderson għamilhom 2-0 wara siegħa fuq l-assist ta’ Firmino, b’Henderson imbagħad jgħaddi l-ballun lil Mohamed Salah għat-tielet gowl fil-71 minuta – bl-attakkant Eġizzjan jgħaqqad il-poker għat-tim tiegħu fl-aħħar minuta tal-konfront.

Leicester City u Chelsea spiċċaw fi draw divertenti ta’ 2-2 fil-King Power Stadium, bir-riżultat ifisser li l-Foxes għadhom it-tielet fil-klassifika, tmien punti aktar mill-Blues li jinsabu r-raba’.

Għalkemm l-ewwel taqsima ftit kellha azzjonijiet denji ta’ nota, il-logħba splodiet fit-tieni 45 minuta, b’Antonio Rudiger ipoġġi lil Chelsea fil-vantaġġ fis-46 minuta b’daqqa ta’ ras fuq il-kross ta’ Mason Mount, b’Leicester, imbagħad, jeqilbu r-riżultat b’żewġ gowls f’għaxar minuti skurjati minn Harvey Barnes u d-difensur Ben Chilwell. Intant, Chelsea wettqu reazzjoni u fil-71 minuta reġa’ kien Rudiger li mill-ġdid sab ir-rokna tax-xibka bir-ras fuq assist ieħor ta’ Mount.

Manchester United u Wolves spiċċaw fi draw ta’ 0-0 f’Old Trafford, bir-Red Devils jonqsu milli jipprofittaw miż-żelqa ta’ Chelsea fil-ġlieda għal post mal-ewwel erbgħa tal-Premier League. Għal United kien qed jagħmel id-debutt l-akkwist ġdid minn Sporting Lisbon, Bruno Fernandes li kellu logħba tajba, b’United ikollhom il-maġġoranza tal-pussess u b’Wolves ikunu perikolużi bil-kontrattakk. Intant, ir-riżultat jista’ jitqies bħala ġust fiċ-ċirkustanzi meta kienu ftit iċ-ċansijiet ta’ skor konkreti tul id-90 minuta.

Bournemouth għelbu lil Aston Villa 2-1 fil-Vitality Stadium għal tliet punti importanti li tawhom ftit tan-nifs lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika. Żewġ gowls fl-ewwel taqsima u fi spazju ta’ sitt minuti minn Philip Billing u Nathan Ake kienu biżżejjed biex jaċċertaw ir-riżultat u minkejja li ċ-Cherries spiċċaw il-logħba b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Jefferson Lerma għal fawl fuq Jack Grealish. Intant, Villa naqqsu l-iżvantaġġ fis-70 minuta mid-debuttant Mbwana Samatta li sar l-ewwel plejer mit-Tanżanija li qatt niżżel ismu fost l-iskorers f’logħba tal-Premier League.

Sheffield United komplew bil-forma impressjonanti b’rebħa barra minn darhom ta’ 1-0 kontra Crystal Palace f’Selhurst Park. L-azzjoni li ddeċidiet il-logħba waslet minn awto-gowl spettakolari tal-gowlkiper tal-Eagles Vicente Guaita, li fit-58 minuta żbalja bil-kbir fuq il-korner mogħti minn Oliver Norwood u bil-ballun ħarablu għal ġox-xibka.

Newcastle United ħlew diversi okkażjonijiet ta’ skor kontra Norwich City f’St James’ Park u fl-aħħarnett kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 0-0. Intant, il-Canaries ukoll kellhom iċ-ċansijiet, iżda l-aqwa skorer tagħhom Teemu Pukki ma deherx fis-soltu vena. Il-gowlkiper ta’ Newcastle Dubravka, ċaħħad it-tentattivi rispettivi ta’ Pukki u Sam Byram, b’Tim Krul isalva l-lasta ta’ Norwich waqt azzjonijiet perikolużi ta’ Allan Saint-Maximin u  b’Miguel Almiron ifalli banalment bir-ras quddiem lasta kważi vojta.

Logħba inkredibbli intlagħbet f’Vicarage Road bejn Watford u Everton, fejn il-Hornets tilfu vantaġġ doppju u fl-aħħarnett il-punti b’kaġun ta’ rimonta qawwija mill-Merseysiders li anki għalqu l-logħba b’għaxar plejers.

Adam Masina fl-10 minuta u Roberto Pereyra fit-42 minuta kienu fetħu vantaġġ komdu għal Watford iżda r-reazzjoni ta’ Everton kienet immedjata, bid-difensur Yerry Mina jiskorja darbtejn fil-ħin miżjud qabel il-mistrieħ u għal riżultat temporanju ta’ 2-2. Fit-tieni taqsima tkeċċa l-midfielder tat-Toffees Fabian Delph, iżda l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Everton, b’Theo Walcott jiskorja l-gowl tar-rebħa mill-viċin fid-90 minuta.

Brighton salvaw punt fi draw ta’ 3-3 kontra West Ham United fil-London Stadium u meta kollox kien qed jidher mitluf għas-Seagulls sa kwarta mit-tmiem. Issa Diop fetaħ l-iskor għall-Hammers wara nofs-siegħa, b’Robert Snodgrass jirdoppja b’xutt qawwi sekondi qabel il-mistrieħ.

Il-gowls ma naqsux fit-tieni taqsima, b’Angelo Ogbonna idaħħal lil Brighton fil-logħba b’awto-gowl u b’West Ham jiftħu mill-ġdid vantaġġ ta’ żewġ gowls permezz ta’ Snodgrass fis-57 minuta. Kwarta mit-tmiem, Pascal Gross naqqas l-iżvantaġġ għal tmiem eċċitanti u erba’ minuti wara, Glenn Murray għamilhom 3-3, bil-gowl tad-draw għal Brighton ikun konvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR.

Premier League

Illum: Bournemouth v Aston Villa 2-1, Crystal Palace v Sheffield United 0-1, Leicester v Chelsea 2-2, Liverpool v Southampton 4-0, Manchester United v Wolves 0-0, Newcastle v Norwich 0-0, Watford v Everton 2-3, West Ham v Brighton 3-3

Għada: Burnley v Arsenal 3.00pm, Tottenham v Manchester City 5.30pm