Lokali

Lydia Abela tirriżenja minn Segretarju tal-PL

Catherine Fenech ġiet maħtura bħala s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista. Dan wara li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista qabel unanimament dwar din id-deċiżjoni. Catherine Fenech hija t-tieni persuna li se tokkupa din il-kariga u se tkun qed tieħu post Lydia Abela, mart il-Prim Ministru Robert Abela.

Fi stqarrija, intqal li Catherine Fenech ilha snin twal midħla fil-Partit Laburista. Il-PL qal illi fl-eta’ ta’ sittax -il sena kienet membru tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, illum il-Forum Żgħażagħ Laburisti. Hija wkoll delegata tal-Partit Laburista, membru f’ Nisa Laburisti u kienet parteċipanta fil-programm LEAD.

Fl-aħħar snin serviet bħala membru u President fil-Kumitat Lokali Laburista ta’ Ħal Lija. Fl-2015, ġiet approvata mill-Amministrazzjoni tal-Partit biex tokkupa l-kariga ta’ Koordinatur tal-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista. Catherine Fenech ilha wkoll ħames snin eletta fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista. 

Min-naħa tagħha, Lydia Abela fl-ittra tar-riżenja li preżentat lill-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, saħqet li qegħda tirreżenja mill-kariga sabiex tgħin lil żewġha fir-responsabbiltajiet li għandu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.