Lokali Qorti

Mixli li hedded lil ommu u lil missieru

Raġel ta’ 32 sena minn Ħal Qormi, li ismu ma jistax jissemma’ minħabba li huwa każ ta’ vjolenza domestika ġie mixli li hedded lil ommu u lil missieru, billi għajjarhom u nissel biża li setgħet tintuża vjolenza kontrihom. Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara fil-proprjetà tagħhom waqt argument domestiku nhar it-Tnejn li għadda.

Huwa kien mixli wkoll li kiser l-ordni u l-paċi pubbliku u li sar reċediv. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri tiegħu.

Fil-Qorti rriżulta li l-akkużat kien involut f’diversi inċidenti simili mal-ġenituri tiegħu fl-aħħar 10 snin u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest ix-xahar li għadda fuq każ identiku.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi u pprovda l-indirizz ta’ oħtu bħala post alternattiv biex jingħata l-ħelsien mill-arrest u dan minħabba li huwa kellu joqgħod il-bogħod mill-ġenituri minħabba l-allegat atteġġament tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat din it-talba u qalet li l-akkużat kellu problemi m’oħtu fil-passat.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia ċaħdet it-talba u l-akkużat baqa’ miżmum arrestat. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb deheru għall-akkużat.