Futbol Sport

Punt li jikkuntenta lil Qormi u St. George’s, Mqabba jsalvaw punt b’għaxar plejers

(Ritratt: Catriel Farrugia)

QORMI …………………….. 2

ST.GEORGE’S ……………. 2

Qormi: J. Azzopardi, C. Farrugia (F. Gnindokponou 57’), M. Borg, A. M. Bustos, A. Abela, R. Mandic, A. Cassar, N. Ghio, G. Sammut (L. Farrugia 57’), B. Schembri, I. Zammit (Z. Gatt 75’).

St.George’s: L. Mifsud, A. Hili, L. Bonett, S. Le Metayer (G. D’Amato 72’), M. Mentosa (M. Uritani 79’), D. Caruana, C. Cassar, B.H. Letue Dias, J. Grech, A. Marshall, K. Camilleri.

Referee: Ishmael Barbara

Qormi u St.George’s qasmu erba’ gowls bejniethom fi draw interessanti ta’ 2-2, riżultat li jikkuntenta lit-tnejn, għaliex l-iktar importanti kien li dawn ma joħorġux telliefa f’dan il-konfront dirett fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Il-Bormiliżi fetħu tajjeb u wara diversi tentattivi marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta meta Leute Dias żamm ballun li deher mitluf, qassam għan-nofs fejn LEEROY BONETT kompletament żmarkat għeleb lil Azzopardi.

Fid-29 minuta Qormi kisbu l-gowl tad-draw b’azzjoni fuq ix-xellug bejn Iven Zammit u Bustos li qassam lejn GILMOUR SAMMUT li skorja b’xutt fil-baxx. Iżda tmien minuti wara, St. George’s mill-ġdid fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ free-kick kien AARON HILI li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras preċiża xeħet fix-xibka.

Fit-tieni taqsima l-azzjonijiet kienu ftit, bil-Qriema jippruvaw jattakkaw iżda l-azzjonijiet tagħhom kienu sterili. Kwarta mit-tmiem f’azzjoni ta’ kontrattakk kienu St. George’s li resqu qrib iżda Caruana wasal ftit tard u ma laqatx il-ballun minn quddiem il-lasta. Fil-85 minuta azzjoni konfuża fil-kaxxa Bormliża bil-gambetta ta’ D’Amato fuq Mandic, u mill-11-il metru kien BRADLEY SCHEMBRI li skorja bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel spiċċa fix-xibka.

Mqabba jsalvaw punt b’għaxar plejers

MQABBA ………………… 2

PIETÀ H. …………………. 2

Mqabba: F. Tabone, B. Grech, D. Micallef, A. Ferreira, K. Magro (M. Brincat 88’), J. Micallef, Y. Omuro (N. Dia 72’), P. Chimezie, F. Zammit (G. Micallef 46’), A. Spiteri, M. Caruana.

Pietà: J. Chircop St.John, T. Bartolo, N. Pace Cocks, N. Pisani, C. Sammut, J. Caetano (C. Bouvet 72’), S. Mizzi, K. Amehi, L. Mckay (D. Vukovic 52’), I. Jalo, J. Scicluna (J. Ghio 70’).

Referee: Sandro Spiteri

Draw ta’ 2-2 bejn Mqabba u Pieta f’logħba mill-iktar interessanti, logħba fejn Pieta skorjaw darbtejn fl-ewwel għaxar minuti u Mqabba skorjaw darbtejn fl-aħħar għaxar minuti. Ir-riżultat hu wieħed ġust fejn Mqabba wara l-ħasda tal-bidu, attakkaw għal ħinijiet twal u kien jimmeritahom il-punt li kisbu bit-tieni gowl ta’ Ferreira skorjat fil-ħin miżjud, meta Mqabba kienu qed jilagħbu wkoll b’għaxar plejers.

Bidu mill-aqwa għal Pietà li kisbu vantaġġ doppju fl-ewwel għaxar minuti logħob. Fis-seba’ minuta kross shot ta’ JAMES SCICLUNA qarraq bid-difiża ta’ Mqabba bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka. Mqabba bilkemm kellhom ċans iwettqu reazzjoni għaliex tliet minuti wara kien hemm kuntatt fil-kaxxa bejn Amehi u Kurt Magro, bir-referee jordna l-penalty u minnu l-istess KILIAN AMEHI ma żbaljax.

It-tieni taqsima bdiet b’azzjoni mimlija polemika meta free-kick ta’ Omura għeleb lill-gowlkiper iżda salva minn fuq il-linja Sheldon Mizzi fejn il-ballun anki deher li qabeż il-linja. Minuta wara azzjoni oħra perikoluża ta’ Mqabba bid-daqqa ta’ ras tas-sostitut Micallef għal darb’oħra maqlugħa minn fuq il-linja minn Travis Bartolo. Fit-68 minuta ċans tad-deheb għal Mqabba meta xutt ta’ Omuro kien parzjalment salvat minn Chircop u mir-rebound Paul Chimezie għamel l-impossibli u xeħet barra mill-kaxxa ż-żgħira.

L-attakki baqgħu konsistenti u Chircop wettaq save mill-aqwa fuq xutt mill-viċin ta’ Micallef, sabiex finalment fit-82 minuta Mqabba meritatament naqqsu l-iskor b’rovexxjata ta’ FERREIRA li għelbet lil Chircop. Minuta wara daqqa ta’ ħarta għal Mqabba meta Brandon Grech kien muri t-tieni karta safra. Iżda meta kollox deher mitluf fil-ħin miżjud, kien hemm paprata tal-gowlkiper Chircop li ma żammx il-ballun u FERREIRA skorja mill-viċin.