Lokali

AĠĠORNATA: Mark Camilleri jitlef ħajtu f’inċident bil-mutur

Fatalità oħra fit-toroq Maltin.

Mark Camilleri ta’ 46 sena mill-Mellieħa tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ is-Sibt waranofsinhar għall-ħabta tat-tlieta nieqes kwart fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, ix-Xemxija.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Passo misjuqa minn mara mil-Litwanja ta’ 49 sena residenti San Pawl il-Baħar u mutur tat-tip KTM 1190RC8 misjuq minn raġel ta’ 46 sena residenti l-Mellieħa.

Immedjatament fuq il-post wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-ewwel għajnuna lir-raġel, iżda sfortunatmanet huwa kien ċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-mara kellha wkoll tingħata assistenza medika u ttieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba li kienet qiegħda ssofri minn shock.

Kawża ta’ dan l-inċident serju fl-inħawi nġema’ ammont kbir ta’ traffiku, fejn fost l-oħrajn diversi karozzi tal-linja għamlu xi ħin maqbuda f’din it-triq. Filfatt is-sewwieqa kienu mitluba jevitaw dawn l-inħawi.

Kienu diversi nies li fuq il-media soċjali urew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Mark… fejn jiftakruh bħala bniedem ċajtier u li dejjem lest li jgħin lil kulħadd.

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterali li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri, fejn ħatar diversi esperti biex jassistuh.L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadom għaddejjin

Ritratt: Ivan Castillo