Ambjent Lokali

“Riperkussjonijiet kbar minħabba s-Central Link”

“Numru ta’ prinċipji se jitkissru b’kawża tas-Central Link”

Fl-aħħar jiem kompliet id-diskussjoni dwar il-proġett tas-Central Link Link f’Ħal Balzan u Ħ’Attard – proġett li diġà wassal għall-qerda ta’ numru ta’ siġar u għelieqi.

Fil-programm fid-Dettall ippreżentat minn Louise Tedesco tkellmu dwar dan żewġ professuri fejn fissru r-riperkussjonijiet li dan il-proġett se jkun qed joħloq.

Il-Professur Maria Attard mid-Dipartiment tal-Ġeografija u esperta fit-transport sostniet li t-twessiegħ tat-toroq mhux se jwassal għal xejn għajr li joħloq aktar problemi fil-futur. Hija infatti kompliet billi qalet li t-twessiegħ tat-toroq se jwassal għal aktar karozzi, u dan ma jsolvi xejn.

Min-naħa tiegħu l-Professur Chris Scerri, espert fuq il-marda tal-Kanċer, fiehem il-problemi li se jinħolqu bit-tqaċċit tas-siġar maturi li hemm mat-triq. Huwa tenna li l-weraq tas-siġar iservu bħala “barriers” għat-tniġġis li jinħoloq mill-karozzi.

Prof. Scerri qal li fost it-tniġġis hemm trab żgħir li jidħol fis-sistema tad-demm tal-bniedem li ‘l quddiem taf twassal għall-puplesija.

Il-Professur Attard min-naħa tagħha sostniet li dan il-proġett affettwa fejn hemm ħamrija u art tajba, zona li kienet għadha verġni.

Fl-aħħar jiem l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kkonfermat li Infrastructure Malta kienet qed tikser kundizzjonijiet tal-permess meta x-xogħol fil-proġett tas-Central Link beda qabel ma kien hemm il-ħatra ta’ espert tas-siġar sabiex jissorvelja x-xogħlijiet.

F’aħbarjiet ricenti minn din is-saga, sar magħruf ukoll li fiz-zona fejn qed isir ix-xogħol instabu fdalijiet arkeoloġiċi li għad iridu jiġu investigati minn esperti.