Lokali

Skiet assolut mil-Labour u minn John Dalli dwar Egrant

Ikompli jippersisti is-skiet assolut, kemm mill-Partit Laburista, kif ukoll mill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli dwar id-dikjarazzjoni taħt ġurament li għamel l-eks Investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris iktar kmieni din il-ġimgħa.

Meta xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalitsta Daphne Caruana Galizia Jonathan Ferris xehed li John Dalli kien qallu li Egrant hi tal-Partit Laburista.

Fil-Qorti, l-eks Spettur tal-Pulizija u eks Investigatur tal-FIAU qal li jiftakar il-mument u l-post eżatt meta hu kien bilqegħda b’idejh marbuta u Dalli talbu biex ikellmu fil-ġenb. Ras imb’ras, l-eks Kummissarju Ewropew qallu li jekk irid jagħmel ftit storbju, Egrant hi propjetà tal-Partit Laburista. Kompla jispjegalu li fil-fatt, Egrant tfisser Election Grant.

John Dalli ma baqax Kummissarju Ewropew wara li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kien ikkonkluda li hu kien ipparteċipa f’diversi laqgħat mhux uffiċjali u kunfidenzjali ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk meta kien Kummissarju Ewropew tas-Saħħa.

Mal-bidla fil-Gvern fl-2013, l-investigazzjoni f’pajjiżna tmewtet u ftit ġimgħat wara, Dalli nħatar Konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. U skont il-Panama Papers kien sar magħruf li fl-istess żmien, twaqqfet il-kumpanija Egrant fil-Panama flimien ma’ Hearnville ta’ Konrad Mizzi u Tillgate ta’ Keith Schembri.

Sa issa, ikompli jippersisti is-skiet assolut tal-Partit Laburista, b’diversi ufficjali u esponenti ewlenin jidhru maħsuda b’din l-aħbar.

Din l-allegazzjoni ta’ Jonathan Ferris issemmiet ukoll fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant immexxija mill-Maġistrat – illum Imħallef – Aaron Bugeja. Iżda dawn ħarġu fil-pubbliku biss ix-xahar li għadda meta l-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia ippubblika ir-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant, wara battalja legali li ilha għaddejja sena u nofs.

Dakinhar, John Dalli kien qal li Ferris għandu jiġi investigat. Iżda meta Jonathan Ferris mill-ġdid semma dak li kien intqal lilu, din id-darba fl-ambitu tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, John Dalli – li normalment ma jaħlix ħin biex iwieġeb meta jissemma’ fil-media – baqa’ sieket.