Sport Sport Ieħor

Sofia Kenin tirbaħ l-ewwel Grand Slam fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Sofia Kenin rebħet l-ewwel Grand Slam fil-karriera tagħha meta għelbet lil Garbine Muguruza fil-finali tal-Open tal-Awstralja. Kenin rebħet kontra d-darbtejn rebbieħa ta’ Grand Slam 4-6, 6-2, 6-2 f’logħba li ntlagħbet f’Melbourne Park.

Kenin li għalqet 21 sena f’Novembru li għadda, hi l-iżgħar rebbieħa tal-Open tal-Awstralja minn żmien Maria Sharapova fl-2008. L-Amerikana sid numru 14, rebħet wara double fault ta’ Muguruza fit-tieni match point li kellha, f’dak li kien it-tmien wieħed tal-Ispanjola fil-konfront.

L-Amerikana waqqgħet ir-racquet fuq il-court u għattiet wiċċha f’sinjal ta’ xokk, qabel marret fil-kantuniera fejn kien hemm bilqiegħda missierha u l-kowċ tagħha. Wara l-logħba, Kenin ikkumentat li l-ħolma tagħha saret realtà u wasslet messaġġ li jekk xi ħadd ikollu ħolma jmur għaliha. Hi ddeskriviet dawn il-ġimagħtejn bħala l-aqwa ġimagħtejn ta’ ħajjitha.