Sport Sport Ieħor

Telfa kbira kontra l-Polonja fl-aħħar logħba tat-tim Malti fi Grupp Ċ

(Ritratt: Joe Borg)

Fl-aħħar logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-Futsal, it-tim nazzjonali Malti sofra telfa kbira kontra l-Polonja bl-iskor ta’ 11-0. Kif mistenni kienet logħba ddominata mill-Polonja, bit-tim ta’ Blazej Korczynski jmur fil-vantaġġ kmieni fil-partita permezz ta’ Leszczak li b’xutt fil-baxx għeleb lil Stefan Vella. Minuta wara t-tim Malti resaq viċin permezz ta’ Milijic iżda fil-ħames minuta Zastawink għadda tajjeb mal-linja qabel qassam lil Marek li mill-viċin għamilhom 2-0.

Ħames minuti wara Gladczak għamilhom 3-0 wara li seraq il-ballun mingħand Firas Aboulezz. Il-Polonja żiedu r-raba’ gowl wara li l-gowlkiper Malti daħal bħala flying keeper, Vella tilef il-ballun f’nofs il-court tal-avversarji b’Solecki jittanta xortih mid-distanza u jsib ix-xibka. Marek skurja l-ħames gowl żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.

Tliet minuti fit-tieni taqsima Wedzony skorja s-sitt gowl b’gowl bit-takkuna. Lutecki żied is-seba’ gowl għall-Polonja żewġ minuti wara. Clint Mifsud tkeċċa wara fawl fuq Kriezel qabel Wedzony għamilhom tmienja. Ftit tas-sekondi wara Leszczak għamilhom 9-0 minn freeshot. Tmien minuti minn tmiem il-partita , Gladczak skurja l-għaxar gowl għall-Pollakki b’xutt mill-isbaħ wara korner preċiż ta’ Elsner.

Lutecki skurja l-ħdax u l-aħħar gowl għal Polonja wara sensiela ta’ passaġġi tajbin bejnu u bejn Leszczak. Qabel din il-partita it-tim Malti mmexxi minn Zeljko Anicic tilef 6-4 kontra l-Iżvezja u kiseb l-uniku punt tiegħu f’dan il-grupp fi draw kontra l-Greċja.

Grupp Ċ

Illum: Greċja v Żvezja 4-3, Malta v Polonja 0-11

Klassifika finali wara tliet logħbiet: Polonja 9 punti, Greċja 4 punti, Żvezja 3 punti, Malta punt