Futbol Sport

Żewġ gowls fit-tieni taqsima jwittu t-triq għal rebħa Slimiża

Rapport: Luke Micallef

SLIEMA W…………………. 2

GŻIRA U……………………. 0

Sliema: J. Galea, M. Sansone (C. Pani 81’), A. Satariano (G. Barone 89’), K. Shaw, J. Pearson (J. C. Gill 46’), J. Mintoff, M. Scerri, F. Vasilchik, J. Cisotti, E. Agius, A. Oyama

Gżira: J. Haber, F. Barbosa, Z. Scerri, A. Cohen (M. Davis 67’), J. C. Corbalan, C. Gatt Baldacchino, H. Kone, S. Borg (N. Muscat 83’), A. Samb (D. Xuereb 67’), M. Criaco, W. Domoraud                                             

Imwissija: M. Scerri 3’ (S), J. C. Corbalan 36’ (S), A. Cohen 39’ (G), K. Shaw 41’ (S), M. Criaco 52’ (G), A. Samb 66’ (G), J. Cisotti 80’ (S), C. Gatt Baldacchino 90’ (G)

Skorjaw: A. Satariano 54’, A. Oyama 62’

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Darko Stankovic

Il-mument Plejer tal-logħba: Alexander Satariano (Sliema W.)

BOV Plejer tal-logħba: Alexander Satariano (Sliema W.)

Fl-ewwel logħba tiegħu fit-tmun tat-tim Gżirjan, il-kowċ Paul Zammit sofra telfa ta’ 2-0 kontra l-ġirien Sliema, li kienu organizzati u avventurużi ħafna aktar mill-avversarji. B’hekk it-tim immexxi minn Alfonso Greco ħa xi ftit tan-nifs, qabel il-konfront dirett min-naħa t’isfel tal-klassifika kontra Gudja United, il-ġimgħa d-dieħla.

Fl-ewwel rawnd tal-istaġun bejn dawn iż-żewġ timijiet, il-logħba kienet spiċċat f’parita’ ta’ 1-1. Il-Wanderers kienu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi fil-Kampjonat Premier kollha bl-istess skor ta’ 2-1, kontra Valletta, Balzan u Floriana. Gżira fuq in-naħa l-oħra kienu ġejjin minn telfa kontra Santa Lucia.

Fid-disa’ minuta, Hamed Kone ra x-xutt fil-baxx tiegħu jgħaddi barra. Żewġ minuti wara Sliema rrispondew b’xutt ċentrali ta’ Juri Cisotti li ntlaqa’ faċilment minn Justin Haber. Fis-17-il minuta, minn azzjoni ta’ Kone, ra x-xutt tiegħu jintlaqa’ parzjalment minn Jake Galea, b’Arthur Oyama attent u tajjar il-ballun mill-periklu sabiex salva dak li deher gowl ċert għall-Gżirjani.

Tliet minuti wara s-Slimiżi kienu perikolużi permezz ta’ kross bit-takkuna ta’ Alexander Satariano li wasal għand Federico Vasilchik li għamel l-impossibbli u quddiem lasta vojta, bir-ras xeħet barra. Fit-tieni nofs tal-ewwel taqsima, Sliema kellhom aktar mil-logħob, iżda ma kienux perikolużi.

Fit-tieni taqsima, il-Wanderers dehru aktar avventurużi u fl-ewwel azzjoni marru minn fuq. Kien propju fl-54 minuta meta ALEXANDER SATARIANO ta xutt minn tarf il-kaxxa li għeleb għal kollox lil Haber u tefa’ lis-Slimiżi minn fuq. Fit-62 minuta, Sliema skorjaw it-tieni gowl. ARTHUR OYAMA skorja ġmiel ta’ gowl dirett minn korner li spiċċa wara Haber.

Fit-68 minuta, Mark Scerri seraq il-ballun mid-difiża ta’ Gżira u ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Fit-82 minuta, Gżira ppruvaw joħolqu reazzjoni għaż-żewġ gowls li qalgħu fit-tieni taqsima permezz ta’ kross ta’ Marco Criaco lejn Martin Davis li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tintlaqa’ minn Galea.