Internazzjonali

Aggressur maqtul waqt attentat terroristiku f’Londra

Il-Pulizija fir-Renju Unit qed tinvestiga inċident terroristiku li fih raġel armat b’sikkina ħebb għan-nies u fera uħud minnhom qabel inqatel minn tiri li sparawlu l-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza. L-aħħar rapporti qalu li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja, bis-sitwazzjoni fl-inħawi qed tirritorna, bil-mod il-mod, għan-normal.

L-inċident seħħ fi Streatham High Road, fin-naħa t’isfel ta’ Londra u fejn instemgħu numru ta’ tiri fil-ħin tal-intervent mill-pulizija. Ir-rapporti qalu li numru ta’ midruba kienu qed jingħataw it-trattament mit-tobba fuq il-post tal-inċident, bil-kelliema għas-servizzi tal-ambulanza f’Londra jgħidu li kienu qed jappoġġjaw l-isforzi tas-sostenn lill-midruba.

Wara l-inċident, il-pulizija infurmaw lir-residenti fiz-zona biex ma joħorġux iżda n-nies li kienu għaddejjin mill-inħawi tal-inċident tħallew ikomplu fi triqthom ‘il hinn mix-xena. Fl-istess ħin l-awtoritajiet avżaw lin-nies li kienu fil-ħwienet taz-zona biex jibqgħu fejn kienu waqt li l-pulizija kienu qed jagħmlu r-ronda fl-inħawi u fit-toroq viċin Streatham High Road, b’ħelikopter tal-pulizija  idur fuq iz-zona.

Intant, il-kelliema għall-pulizija ddikjaraw l-attakk bħala wieħed xprunat mit-terroriżmu huma u jiġbru d-dettalji waqt li jevalwaw iċ-ċirkustanzi marbuta mal-każ.