Lokali

€220 miljun ċirkolati minn terzi persuni fin-negozju illegali tax-Schengen Visa

Mill-Konsolat ta’ Malta fi Tripli, meta dan kien jitmexxa mill-Konslu Marisa Farrugia u li llum tokkupa kariga ogħla fi ħdan id-Diplomazija Maltija, inħarġu xejn inqas minn 88,000 Schengen Visa lil persuni Libjani u hu kkalkulat li dawn iġġeneraw mal-€220 miljun.

Sorsi infurmati li din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u li żvelaw magħna diversi fatti xokkanti dwar in-negozju illegali tax-Schengen Visa tramite l-Konsolat ta’ Malta fi Tripli bejn l-2013 u l-2017, staqsew fejn marru dawn il-€220 miljun.

“Ma ninsewx li din kienet attività illegali minn fuq sa isfel. Negozju illegali biex Libjani, li kienu qegħdin fi gwerra interna, jingħataw ix-Schengen Visa biex setgħu jaħarbu minn pajjiżhom lejn xi pajjiż ieħor fl-Ewropa.

Malta hi fost il-pajjiżi l-eqreb lejn il-Libja u għalhekk il-Libjani kienu qed ikunu offruti x-Schengen Visa għal mill-inqas €2,500. Kien hemm min intalab ħafna eluf aktar. Kien hemm min saħansitra ntalab iħallas mal-€25,000 biex jingħata x-Schengen Visa u din  il-persuna, għaliex kienet fi stat ta’ disperazzjoni, fil-fatt ħallset dawn il-flus biex inħarġulha d-dokumenti tax-Schengen Visa.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument żvelaw li dak iż-żmien il-Konsolat Malti fi Tripli kien immexxi minn Marisa Farrugia li għadha impjegata tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Wara dan iċ-ċirku ta’ negozju illegali ta’ ħruġ ta’ dokumenti relatati max-Schengen Visa, allegatament qed jissemmew ismijiet bħall-Eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri, il-famuż Neville Gafà u anki Kenneth Camilleri li kien jifforma parti mis-Sigurtà ta’ Joseph Muscat.

Jirriżulta wkoll mill-informazzjoni li ngħatatilna, li fost dawk li rnexxielhom jixtru x-Schengen Visa jaħarbu mil-Libja lejn l-Ewropa kien hemm persuni mfittxija b’rabta ma’ allegazzjonijiet dwar kriminalità tal-gwerra jew kriminalità tal-massa.

“Dawn huma nies perikolużi li kien irnexxielhom jaħarbu mil-Libja u jidħlu Malta permezz tax-Schengen Visa u llum ħadd ma jaf x’sar minnhom.

“Hu stat ta’ fatt li wara li faqqgħet il-gwerra fil-Libja, allura wara li r-reġim ta’ Gaddafi kien tneħħa mill-poter, għadd ta’ kriminali tal-gwerra fittxew li jaħarbu mil-Libja u għalhekk dawn in-nies, li ma kellhomx problemi ta’ flus, ħallsu somom kbar biex ħarbu lejn Malta billi xaħħmu terzi u ħallsu għax-Schengen Visa.”

Sadattant sorsi oħrajn avviċinati minn il-mument dwar l-istess storja kkonfermaw ma’ il-mument li lura ftit tas-snin ilu kienet infetħet investigazzjoni dwar dan in-negozju illegali ta’ ħruġ ta’ Schengen Visa.

Dik l-investigazzjoni kienet wasslet biex kien identifikat kontejner li kien mimli b’dokumenti relatati ma’ applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ Schengen Visa.  “Dak il-kontejner x’sar minnu? Għadu maqbud fil-bitħa tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana?”

Wieħed ma jridx jinsa li fl-2013 il-Libja kellha żewġ gvernijiet, dak ta’ Tripli u dak ta’ Tubruk. Il-Gvern Malti kien jirrikonoxxi biss il-Gvern ta’ Tubruk għaliex in-Nazzjonijiet Uniti kienet tirrikonoxxi biss lill-Gvern ta’ Tubruk.

Iżda mbagħad id-dokumenti Schengen Visa kienu jinħarġu mill-Gvern ta’ Tripli! Kien biss il-Gvern ta’ Tripli li kien joħroġ il-passaporti Libjani u jikkontrolla s-sistema tal-ħruġ tal-passaporti.

“Jiġifieri f’pajjiżna kellna sitwazzjoni mill-aktar anomala… il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien jirrikonoxxi lill-Gvern ta’ Tubruk, iżda mbagħad in-negozju illegali għall-ħruġ tax-Schengen Visa kien isir mal-awtoritajiet ta’ Tripli.

“Bir-riżultat li l-passaporti u d-dokumenti kollha li kienu jinħarġu kienu għalkollox foloz għaliex kienu jinħarġu mill-Konsolat Malti fil-Libja.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-isem ta’ Marisa Farrugia, il-Konslu ta’ Malta fil-Libja, ma hux isem ġdid konness mal-ħruġ tal-Visa liċ-ċittadini Libjani.

Il-Konslu Maltija li kienet taħdem fi Tripli kienet diġà ssemmiet f’każ ieħor ta’ ħruġ ta’ Visa lil ċittadini Libjani. Dan kien b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-Accountant Joe Sammut li eventwalment kien akkużat ukoll b’rabta ma’ frodi, miżapproprjazzjoni ta’ fondi u ħasil ta’ flus.