Lokali

Il-familja ta’ Mark Camilleri tiġbor il-flus biex jinġiebu l-qraba mill-Awstralja

Ulied is-sewwieq tal-mutur li tul il-ġurnata tas-Sibt tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku fix-Xemxija fetħu kampanja ta’ ġbir ta’ fondi fuq is-sit onlajn GoFundMe.

Dan bil-għan li jinġabru biżżejjed flus sabiex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u jinġiebu Malta il-qraba tal-vittma mill-Awstralja sabiex jattendu għall-funeral ta’ Mark Camilleri.

Il-kampanja s’issa rċeviet 88 donazzjoni u rnexxielhom jilħqu €2,526 – kważi nofs is-€6,033 li hemm bżonn jintlaħqu. Fis-sit ingħad li kull donazzjoni hija apprezzata sabiex il-familja kollha tkun magħquda sabiex tingħata l-aħħar tislima lill-Mellieħi ta’ 46 sena.

Camilleri sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post wara li seħħ impatt ma’ vettura misjuqa minn Litwena ta’ 49 sena li kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei kawża tax-xokk li sofriet.

Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan hawn.