Lokali

Imfakkar Jum il-Ħajja

Bħala ċittadin ċivilizzat, Tabib u politiku, ma nistax ma nkunx preżenti fiċ-Ċelebrazzjoni għall-Ħajja. Avolja kien hemm min issuġġerixxa kontra.

Hekk qal il-President ta’ Malta George Vella, fil-Manifestazzjoni favur il-Ħajja mill-Konċepiment, organizzata mill-Malta Unborn Child Platform fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja.

Il-President ta’ Malta nnota kif ġustament, illum kulħadd qed jieħodha kontra l-piena kapitali għall-kriminali, iżda mhux kulħadd qed jirrikonoxxi li l-abort hu l-piena kapitali għat-tfal.

Qal li dawn huma anomaliji li ma jifhimhomx u li jsaħħu l-pożizzjoni tiegħu kontra dan il-qtil tat-tfal. Għax l-abort hu qtil … u l-qtil jibqa’ qtil, isir fuq min isir.

George Vella enfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jiġu edukati b’messaġġi favur il-ħajja għax din m’hijiex kwistjoni ta’ reliġjon, iżda ta’ etika li l-ħajja m’għandha qatt tinqatel għalxejn b’xejn.

Sadanittant, fil-bidu tal-jum, għexieren ta’ persuni mxew minn Bieb il-Belt sa quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann biex ikomplu jxerrdu l-messaġġ favur il-ħajja. In-nies preżenti kienu akkumpanjati mill-grupp tal-iScouts ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fl-istess jum ħareġ ukoll stħarriġ xjentifiku, li kkonferma kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin huma kontra l-abort.

L-istħarriġ tal-MediaToday juri li 85% tal-Maltin huma kontra l-abort, għalkemm iż-żgħażagħ u dawk b’edukazzjoni terzjarja għandhom tendenza akbar li jkunu favur.