Internazzjonali

Ir-Renju Unit ma jrid l-ebda rbit mar-regoli tal-UE fi kwalunkwe ftehim kummerċjali

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal li r-Renju Unit ‘mhux se jalinea ruħu mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea’ fi kwalunkwe ftehim kummerċjali għal wara Brexit li pajjiżu jista’ jilħaq mal-Ewropa.

Raab spjega li ftehim biex ir-Renju Unit jibqa’ marbut sew mar-regolamenti tal-Unjoni ‘imur kontra l-prinċipju u l-għan tal-proċess ta’ Brexit innifsu’.

Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, sostna li r-Renju Unit jeħtieġ jimpenja ruħu għal sistema li hi xierqa għan-naħat involuti kollha biex iserraħ rasu minn ftehim għal kummerċ ħieles, issa ladarba spiċċa minn membru tal-Unjoni.

It-taħditiet jew negozjati għal free trade deal bejn ir-Renju Unit u l-UE mistennija jibdew ix-xahar id-dieħel u wara l-irtirar formali tal-Britanniċi mill-grupp ta’ Stati Ewropej.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, għada, mistenni jiċċara l-pożizzjoni tiegħu qabel dawn it-taħditiet. Mistenni wkoll li hu jinforma lill-UE li jinsab lest beix jaċċetta sistemi għall-iċċekkjar doganali mal-fruntieri tar-Renju Unit f’każ li ma jiksibx il-ftehim kummerċjali li jixtieq hu.

L-aħħar rapporti ssuġġerew li l-Mexxejja tal-UE iridu li r-Renju Unit ikompli jsegwi r-regoli tal-UE dwar numru ta’ kriterji u sussidji mill-Istat. Dan minbarra lir-Renju Unit ikun kostrett li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-każ ta’ kwalunkwe kwistjonijiet kummerċjali.

Madankollu mistenni li Boris Johnson jesprimi ċar li mhu lest jaċċetta l-ebda alineament jew ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ewropa ladarba jibdew it-taħditiet f’Marzu.

Min-naħa tiegħu, Dominic Raab qal li r-Renju Unit se jidħol għan-negozjati dwar il-kummerċ mal-Unjoni Ewropea fi spirtu ta’ rieda tajba – iżda mill-ġdid għamilha ċara li ‘wieħed mgħandux jistenna alineament leġislattiv mar-regoli tal-UE min-naħa tal-Britanniċi.