Internazzjonali

Iraq: Il-Prim Ministru ġdid għandu sa xahar biex jifforma Gvern li jrid jindirizza l-kriżi

Il-Prim Ministru ġdid tal-Iraq, Mohammed Tawfiq Allawi, għandu xahar żmien biex jifforma Gvern ġdid li se jmexxi sakemm isiru l-elezzjonijiet bikrija f’dan il-pajjiż.

Allawi, li ġej mill-komunità tax-Xiti, kien serva darbtejn bħala Ministru responsabbli mill-Komunikazzjonijiet u, fi tmiem il-ġimgħa, ma tilifx iż-żmien biex jitkellem favur id-dimostrazzjonijiet ta’ protesta li ilhom għaddejjin għal erba’ xhur kontra l-amministrazzjoni f’Bagdad u li fihom tilfu ħajjithom il-mijiet tad-dimostranti.

Ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Iraq, Barham Salih, kien ressaq ultimatum lill-Parlament Iraqi biex jiddeċiedi ‘mingħajr aktar telf ta’ żmien’ dwar Prim Ministru ġdid, inkella kien se jagħżel wieħed hu. Dan wara li l-kandidati preċedenti għall-kariga kienu miċħuda mid-dimostranti.

Intant, Mohammed Tawfiq Allawi, fi tmiem il-ġimgħa, inħatar fil-kariga mill-President Salih u issa jrid imidd idejh mal-ewwel biex inaqqas mit-tensjoni f’Bagdad wara xhur konsekuttivi ta’ kriżi politika.

Intant, waħda mill-ewwel azzjonijiet ta’ Allawi kienet li jwassal messaġġ fuq il-media soċjali fejn – wara li kkonferma n-nomina tiegħu bħala Prim Ministru – sejjaħ ‘biex l-Iraqqin ikomplu jipprotestaw sakemm jinstemgħu d-domandi tagħhom’.

Il-Prim Ministru ġdid tal-Iraq, fl-istess ħin, faħħar lid-dimostranti ‘għas-sagrifiċċji u qlubija tagħhom’ u sostna li kieku ma kienx għalihom ma kellhomx iseħħu l-bidliet f’dan il-pajjiż.

Mohammed Tawfiq Allawi wiegħed ukoll li jżomm kontabbli lill-persuni u uffiċjali responsabbli għal-qtil tad-dimostranti waqt l-aħħar protesti u ħalef li l-amministrazzjoni tiegħu ‘se tiġġieled b’determinazzjoni kbira lill-korruzzjoni’.

Il-Prim Ministru ġdid tal-Iraq kien studja u ħadem fil-Libanu u r-Renju Unit qabel issieħeb fil-politika ta’ pajjiżu wara l-invażjoni (tal-Iraq), fl-2003, mill-koalizzjoni multinazzjonali taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti li kienet qaċċtet lir-reġim tal-eksdittatur Iraqi, Saddam Hussein.