Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Qawwiet tal-ajru Iżraeljani jwieġbu għall-bumbardamenti tal-Hamas

L-ajruplani militari ta’ Iżrael laqtu diversi miri tal-militanti Iżlamiċi tal-Hamas waqt rejds li saru fuq iz-zoni speċifiċi ta’ Gaza.

Ir-rejds kienu tweġiba għall-isparar ta’ rokits, matul il-lejl, lejn l-inħawi ta’ Motzoei Shabbos f’Iżrael.

Ingħad li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani konċentraw fuq stallazzjonijiet tal-militanti li kienu jinkludu sit taħt l-art magħruf bħala ċentru għall-produzzjoni tal-armamenti għall-Hamas.

Fl-attakk tas-Sibt bil-lejl, il-Hamas kienu miraw ir-rokits lejn siti tal-Iżraeljani viċin il-fruntiera ta’ Izrael ma’ Gaza. Ir-rokits, intant, niżlu f’inħawi fejn ma kienx hemm residenzi u fejn ma kenux irrappurtati vittmi jew ħsarat.

Il-militanti tal-Hamas ilhom diversi jiem jibbumbardjaw l-inħawi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Intant, illum kienu għaddejjin tħejjijiet għal laqgħa ta’ emerġenza mill-Knesset (Parlament Iżraeljan) bil-għan li jkunu diskussi l-aktar mezzi effettivi għall-kontroll tal-isparar tar-rokits mill-militanti Palestinjani…. Sparaturi li saru ‘ħaġa regolari li qed tħalli impatt kbir fuq l-għajxien tar-residenti qrib il-fruntiera ma’ Gaza’.