Knisja Lokali

“L-għożża tal-ħajja m’għandhiex tħammrilna wiċċna” – l-Isqof Awżiljarju

Anke jekk inkunu s-sinjal li jmeruh, l-għożża tal-ħajja m’għandha bl-ebda mod tħammrilna wiċċna, anke għax dan il-valur joħroġ l-identità tagħna l-Maltin.

Kliem l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta, Monsinjur Joseph Galea-Curmi, f’Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja.

Okkażjoni li kienet deskritta bħala turija li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-attenzjoni li nagħtu lil dawk l-aktar dgħajfa u mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Ejjew inkomplu naħdmu lkoll biex ikollna soċjetà fejn ngħożżu l-ħajja bl-imħabba, appella l-Isqof Awżiljarju.

Monsinjur Galea-Curmi kkritika lil min jaġixxi mingħajr prinċipju għax qal li l-ħarsien tal-ħajja m’għandhiex tkun marbuta ma’ xi kunsens popolari jew mat-tendenzi taż-żmien.

Min-naħa l-oħra, enfasizza l-messaġġ favur il-ħajja minn min jemmen li għandna nħarsuha sa mill-ewwel mumenti tagħha fil-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.

Aħna favur dawk kollha li huma dgħajfa u vulnerabbli, tenna l-Isqof Awżiljarju, jiġifieri dawk li għaddejjin minn xi tbatija ta’ mard jew kundizzjoni, daqskemm dawk li jispiċċaw bejn sema u ilma jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom kenn u ma jisparixxux taħt l-ilma għal dejjem.

Favur il-ġenerazzjonijiet futuri biex dawn isibu ambjent xieraq fejn jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom. Għalhekk irridu nħarsu l-ħolqien, ħalli dawn ukoll igawdu dak li gawdejna aħna u mhux jaraw biss is-sabiħ tan-natura minn filmati tal-imgħoddi.

Min-naħa l-oħra, għandna naraw ukoll li l-ġenerazzjonijiet futuri jgħożżu l-ħajja u mhux jitqarrqu bid-droga bħala mezz rikreattiv mingħajr ma jaħsbu fil-fond dwar il-konsegwenzi li din tagħmel fuq ħajjithom.

Iżda Monsinjur Galea-Curmi saħaq li mhux biżżejjed li nitkellmu favur il-ħajja jekk ma nipprovdux azzjoni konkreta ta’ solidarjetà ma’ dawk li jsibu ruħhom f’diffikultà, fosthom dawk li jibżgħu li għadhom mhux preparati biex isiru ġenituri.

Għalhekk nemmnu li aktar ma jkollna etika konsistenti favur il-ħajja, aktar inkunu qed nibnu soċjetà li tirrispetta lill-bniedem.