Internazzjonali

L-UE ‘tifhem is-sentimenti’ tal-Iskozja wara Brexit

L-Eks President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li l-Unjoni Ewropea ‘tifhem dak li qed jinħass fl-Iskozja’ fl-ewwel jiem wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Fl-istess ħin hu qal li jifhem id-diskors li qed isir dwar il-possibbiltà ‘li Skozja indipendenti mill-kumplament tar-Renju Unit tissieħeb fl-UE’.

Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li Skozja indipendenti għandha tipprova għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.

Iżda meta kien mitlub jikkummenta jekk ‘għandux iħares lejn dan il-kunċett b’mod favorevoli’, Donald Tusk wissa li ‘filwaqt li t-tragward tal-Iskoċċiżi għandu jintlaqa’ b’entużjażmu, l-Iskozja m’għandhiex tkun aċċettata (bħala membru tal-UE) b’mod awtomatiku’.

Intant, il-Gvern Britanniku wissa li kummenti ‘irresponsabbli’ bħal ta’ Tusk jistgħu jinkoraġġixxu ‘tendenzi separatisti fl-UE’. Dan waqt li Donald Tusk qal lill-BBC li ‘qed iħossu qisu ta’ nisel Skoċċiż, b’mod partikulari wara l-konklużjoni ta’ Brexit’.

Fl-istess ħin u meta wieġeb dwar il-prospett ta’ ‘Skozja indipendenti fl-UE’, Donald Tusk qal li ‘irid jirrispetta d-dibattitu intern fir-Renju Unit’ u li ‘mhux ir-rwol tiegħu li jintervjeni fih’.