Lokali

Mistenni telf ta’ €30 miljun għall-Air Malta

Il-linja nazzjonali ta’ pajjiżna, l-Air Malta, mistennija tirreġistra telf ta’ €30 miljun fis-sena finanzjarja li għalqet f’Marzu tal-2019.

L-aħbar tasal ftit jiem biss wara li l-Ministru Silvio Schembri, li issa ngħata r-responsabbiltà tal-linja nazzjonali tal-ajru, ironikament ftaħar li l-Gvern ħoloq pedament b’saħħtu.

I#da fl-istess waqt ħarab milli jwieġeb dwar il-qagħda finanzjarja tal-Air Malta.

Qablu, kien il-Ministru Konrad Mizzi li mexxa’ lil-linja nazzjonali. Iżda dan, sa qabel irriżenja, dejjem baqa’ jinnega li l-proġett ta’ ristrutturar li tant ftaħar bih kien falla.

Tant hu hekk li f’Awwissu, wara li ċ-Ċentru tal-Avjazzjoni ħareġ b’rapport li jgħid li l-Air Malta reġgħet tinsab fiż-żona l-ħamra, hu kien ħareġ jiċħad.

Sorsi ta’ Net News jindikaw li issa l-Gvern Laburista qed iwaħħal f’Konrad Mizzi għad-diżastru fl-Air Malta, b’diversi deċiżjonijiet żbaljati.

Filfatt iċ-Ċentru tal-Avjazzjoni kien diġa waħħal fl-espansjoni ta’ rotot ġpdda bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan it-telf finanzjarju. Dan apparti li l-Air Malta issa qed tikkunsidra li tirtira l-pjan li topera titjiriet long haul lejn iċ-Ċina u New York.

Telf ta’ €30 miljun għall-Air Malta jfisser mhux biss ritorn għal riżultati negattivi iżda saħansitra splużjoni fl-ammont ta’ telf. Dan hekk kif fl-2017, il-linja nazzjonali kienet irrappurtat ċifra ta’ telf li hi tliet darbiet inqas.

Kien fl-2018 li l-Air Malta rreġistrat profitt ta’ €1.2 miljun. Madankollu dan kien biss għaliex il-Gvern wettaq diversi manuvri biex fost oħrajn ħoloq kumpanija u biegħ diversi time slots.