Futbol Sport

Mistennija l-akbar folla tal-istaġun … Floriana mhux megħluba minn Valletta fl-aħħar rawnd tal-aħħar erba’ staġuni

(Ritratt: Trevor Sollars)

B’eċċezzjoni għal xi decider, statistikament id-derby bejn Floriana u Valletta hu l-aktar konfront mistenni fil-Kampjonat Premier f’kull staġun. Din id-darba mhux b’anqas iżda b’differenza li wara tant snin, iż-żewġ timijiet qed jisfidaw serjament għar-rebħ tal-kampjonat. Fl-aħħar ħames staġuni u nofs, Floriana u Valletta ltaqgħu 14-il darba. Il-Beltin ħarġu rebbieħa seba’ darbiet, Floriana rebħu tliet konfronti filwaqt li l-erba’ logħbiet l-oħra ntemmew fi draw.

Iżda fatt interessanti hu li fl-aħħar disa’ logħbiet, Valletta rebħu biss żewġ logħbiet, it-tnejn bl-iskor ta’ 1-0. Inċidentalment, Floriana fuq in-naħa l-oħra rebħu t-tliet konfronti bl-iskor ta’ 2-0. Valletta ilhom jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat f’kull staġun fl-aħħar 12-il sena. Madankollu Floriana taħt il-Presidenza ta’ Riccardo Gaucci għollew il-livell tagħhom u d-derbies fl-aħħar snin kienu aktar missielta. Xhieda ta’ dan hu li fl-aħħar disa’ logħbiet fil-kampjonat, il-konfront bejn Floriana u Valletta qatt ma ġew skorjati aktar minn żewġ gowls f’logħba.

Floriana mhux megħluba minn Valletta fl-aħħar rawnd tal-aħħar erba’ staġuni

Statistika oħra interessanti hi li Valletta ilhom ma jegħlbu lil Floriana erba’ staġuni fl-aħħar rawnd tal-kampjonat. Fl-istaġuni 2015/16 u 2016/17 il-kampjonat kien bi 12-il tim u ntlagħab fuq tliet rawnd filwaqt li fl-istaġun 2017/18 u 2018/19 il-kampjonat kien b’14-il tim u ntlagħab fuq żewġ rawnd.

Fit-tielet rawnd tal-istaġun 2015/16, fid-9 ta’ April tal-2016, Floriana kienu rebħu 2-0 b’gowls ta’ Mario Fontanella u Mauricio Vella, f’dik li kienet l-ewwel rebħa tal-Furjaniżi kontra Valletta fil-kampjonat mill-2007.

Fit-tielet rawnd tal-istaġun ta’ wara, fit-2 ta’ April tal-2017, Floriana u Valletta spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Michael Mifsud kien poġġa lil Valletta fil-vantaġġ fit-82 minuta iżda Ryan Camenzuli ġab id-draw erba’ minuti wara.

Fit-tieni rawnd tal-istaġun 2017/18, fl-14 ta’ April tal-2018, iż-żewġ timijiet reġgħu spiċċaw 1-1. Matteo Piciollo kien poġġa lil Valletta minn fuq, b’Enzo Ruiz iġib id-draw kwarta mit-tmiem.

Fl-istaġun li għadda, fil-31 ta’ Marzu tal-2019, Floriana għelbu lil Valletta 2-0. Brandon Paiber kien fetaħ l-iskor fil-41 minuta, b’Kristian Keqi jagħlaq il-logħba lejn it-tmiem.

Fi tlieta minn dawn l-erba’ staġuni, Valletta spiċċaw rebħu l-kampjonat filwaqt li Floriana spiċċaw tliet darbiet fil-ħames post u t-tmien post fl-istaġun li għadda. Għalhekk hu mistenni li biż-żewġ timijiet jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat, se jkollna konfront li joffri emozzjonijiet kbar.

Il-konfronti preċedenti fil-kampjonat bejn Floriana u Valletta fl-aħħar sitt staġuni

Staġun 2014/15

26 ta’ Awwissu 2014  – Floriana v Valletta 0-2

6 ta’ Diċembru 2014  – Valletta v Floriana 4-1

12 ta’ April 2015 – Valletta v Floriana 1-0

Staġun 2015/16

18 ta’ Ottubru 2015 – Valletta v Floriana 3-1

23 ta’ Jannar 2016  – Floriana v Valletta 1-2

9 ta’ April 2016  – Floriana v Valletta 2-0

Staġun 2016/17

21 ta’ Settembru 2016  – Floriana v Valletta 2-0

17 ta’ Diċembru 2016  – Valletta v Floriana 0-0

2 ta’ April 2017  – Floriana v Valletta 1-1

Staġun 2017/18

26 ta’ Novembru 2017 – Valletta v Floriana 1-0

14 ta’ April 2018  – Floriana v Valletta 1-1

Staġun 2018/19

4 ta’ Novembru 2018  – Valletta v Floriana 1-0

31 ta’ Marzu 2019  – Floriana v Valletta 2-0

Staġun 2019/20

15 ta’ Settembru 2019  – Valletta v Floriana 1-1