Lokali

Oppożizzjoni b’saħħitha, alternattiva denja

Gvern alternattiv

Il-Partit Nazzjonalista qed ikun Oppożizzjoni b’saħħitha u se joffri l-opportunità li jkun Gvern alternattiv. Dan ġie sostnut mill-kelliema tul attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija.

Thomas De Martino – President ta’ Team Start tkellem dwar il-ħidma tal-Partit l-importanza taż-żgħażagħ.

“Issa jeħtieġ li mmorru oltre milli nkunu Oppożizzjoni, u nippreżentaw lilna nfusna bħala Gvern alternattiv”

Huwa qal li hemm il-ħtieġa li pajjiżna jindirizza l-problema tal-ambjent, tat-transport, il-prezzijiet tal-proprjetà, u l-problema fil-popolazzjoni.

L-instabbiltà qed tibqa’ tippersisti

Min-naħa tiegħu d-deputat Edwin Vassallo qal li min mhux konxju ta’ problema ma jistax isib soluzzjoni. Il-Gvern mhux konxju bil-problema tal-instabbiltà li rikbet lill-pajjiż u qed taffetwa n-negozji.

Fakkar li 142 elf ħaddiem jiddependu mill-attivita kummerċjali, u jekk din l-instabbiltà tippersisti, dawn in-nies se jkunu l-ewwel li se jbatu.

“Jekk din il-problema tippersisti,se jkollna t-telf fil-valur tal-investiment li diġà sar u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja”

“L-Oppożizzjoni se tkompli tiddefendi dak li hu tal-poplu”

Id-deputat Stephen Spiteri min-naħa tiegħu innota li hu sabiħ li fil-PN naraw lill-MŻPN u lit-Team Start jaħdmu għaż-żgħażagħ. Qal li l-PN irid jaħdem aktar u aktar biex ikun hawn l-involviment ta’ aktar żgħażagħ.

Huwa tkellem fost l-oħrajn dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet fosthom Karen Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

“L-Oppożizzjoni se tkompli tiddefendi dak li hu tal-poplu Malti u Għawdex… se nkomplu niddefendu din il-kawża ġusta sabiex dawn l-isptarijiet jirritornaw lura għand il-poplu”

Stephen Spiteri tenna li l-Partit Nazzjonalista hu disponibbli li jassisti lill-Gvern biex ikun hemm l-aqwa bidla possibbli għall-ġid ta’ pajjiżna. Madankollu wissa’ li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta li l-Gvern jgħaddi bħal romblu biex iwettaq biss il-bidliet li jaqbillu.