Lokali

Pressjoni fuq Robert Abela biex jieħu azzjoni fuq il-Ministru Owen Bonnici

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax iħalli kollox għaddej wara d-deċiżjoni tal-Qorti fejn Ministru fil-Kabinett tiegħu nstab ħati li ma pproteġiex id-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Min se jerfa’ r-responsabbiltà politika?

Hekk staqsa l-Editorjal tas-Sunday Times of Malta, ftit tal-jiem wara li l-Qorti kkundannat lill-Ministru Owen Bonnici talli kien jitlob impjegati tal-Gvern jiżbarazzaw il-Mafkar fil-Belt biex titfakkar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

L-Editur kompla billi nnota li, minflok ħa l-passi, il-Gvern qal li ddeċieda li ma jappellax, f’mossa interpretata minn ħafna bħala mod kif Abela qed jipprova jintogħġob ma’ kulħadd u ma jiddeċidix.

Il-Prim Ministru ma jistax ikompli għaddej qisu xejn mhu xejn, bl-istess mod li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat hu responsabli talli qatt ma waqqaf lil Owen Bonnici mili jagħmel dak li għamel.

Il-gazzetta qalet li meta Robert Abela jinjora l-aktar lezzjonijiet ta’ valur, hu l-ikbar żball li jkun baqa’ ma tgħallimx mill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat.

Filwaqt li appellat biex il-Prim Ministru ma jħallix dawn l-affarijiet għaddejjin, fakkritu li għandu d-dmir ewlieni li jippreserva l-karriera politika tiegħu u tal-kollegi tiegħu.