Lokali

Robert Abela jrid jissokta bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

Il-Prim Ministru Robert Abela ser jissokta fuq il-passi ta’ Joseph Muscat fosthom billi ser iħalli l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Dan saħqu waqt attività tal-Partit Laburista f’Ħal Qormi fejn insista li d-deċiżjoni ser jeħodha xorta u ser jibqa’ għaddej b’din l-iskema.

Dan minkejja li l-fatti qed juru biċ-ċar li l-maġġoranza tal-persuni li akkwistaw il-passaport Malti, ftit inqas minn 2,000, qatt ma resqu lejn pajjiżna għalkemm suppost iridu jgħixu f’Malta għal sentejn.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni Nazzjonalista rrifjutat li tkun involuta fil-proċess ta’ konsultazzjoni sabiex jinħatar ir-regolatur ġdd għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Dan wara li għal diversi drabi – il-Maltin hekk msejħa ġodda – spiċċaw fi skandlu wara l-ieħor madwar id-dinja b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Iżda minkejja li Robert Abela wiegħed bidla fil-pajjiż lil ‘hinn mill-patt imxajtan, issa qed jidher ċar li kulma ġab hija l-kontinwità ta’ Joseph Muscat bil-bidla li l-pajjiż tant kellu bżonn baqgħet ma waslitx.