Lokali

Robert Abela skomdu bil-fatt li kemm Keith Schembri kif ukoll l-MSS għandhom widna fil-Kabinett tal-Ministri

Il-Prim Ministru Robert Abela hu skomdu bil-fatt li ma jistax imexxi Kabinett sigur fejn l-informazzjoni diskussa b’mod intern ma ssibx ruħha barra… anzi agħar minhekk tispiċċa f’widnejn terzi li jistgħu jużawha għall-iskopijiet tagħhom.

Il-Prim Ministru hu mħasseb bil-fatt li fil-Kabinett hemm għadd ta’ membri, l-aktar fuq livell ta’ Ministri, li mhumiex leali lejh u aktar huma leali lejn il-fazzjoni l-antika ‘Joseph Muscat u Keith Schembri’.

Minħabba f’hekk, il-Prim Ministru Robert Abela qed jifhem li jista’ jiffaċċja problemi serji mhux biss għaliex l-informazzjoni tispiċċa għand Keith Schembri, imma anki għand is-Servizz Sigriet Malti (MSS) fejn sa issa l-membri kważi kollha għadhom leali lejn it-tmexxija l-antika.

In-nuqqas ta’ libertà fl-espressjoni fi ħdan il-Kabinett tal-Ministri hi ta’ inkwiet għall-Prim Ministru l-ġdid li jixtieq li fil-Kabinett ikun hemm atmosfera serena fejn dak li jingħad jibqa’ bejn il-membri tal-Kabinett biss.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw magħna li hemm membri fil-Kabinett li jżommu kuntatt kontinwu mal-Eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li llum il-ġurnata m’għadux jokkupa l-kariga li kellu u għalhekk għandu ħafna x’jitlef.

Hemm min stenna li l-Prim Ministru l-ġdid jordna indaġni dwar l-għoti tat-tenders kollha li b’xi mod fihom hemm involuta id Keith Schembri kemm jekk diretta u kemm jekk indiretta.

Hemm min jemmen li Keith Schembri hu moħbi wara ħafna kuntratti tal-Gvern kemm fuq livell ta’ għoti ta’ offerti kif ukoll fuq livell ta’ ksib ta’ offerti u f’bosta minn offerti mirbuħa hu allegat li jinsab moħbi wara terzi persuni.

Is-sors ta’ il-mument qalilna li meta kien fil-poter Keith Schembri kellu numru ta’ Ministri li kien qrib ħafna tagħhom u għalhekk illum jistenna ħafna mingħandhom għal dak li għamel magħhom.

Eżempju dwar dan seħħ ftit tal-ġimgħat ilu biss meta waqt laqgħa tal-Kabinett, numru ta’ Ministri kienu qed jenfasizzaw li Keith Schembri kellu jkun interrogat u mistħarreġ mill-Pulizija dwar l-allegazzjonijiet li kienu qed jiċċirkondawh.

F’mument minnhom waqt din il-laqgħa Robert Abela, dakinhar konsulent tal-Prim Ministru, kien qal lil Joseph Muscat: “Dak il-kornut fottiek”.

Ġara li dik l-informazzjoni suppost sigrieta bejn dawk preżenti, spiċċat dak il-ħin stess għand Keith Schembri li min-naħa tiegħu ma ddejjaqx jibgħat sms lil Lydia Abela, mart Robert Abela u Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u jgħidilha li kien jaf tajjeb x’qed jgħid fuqu Robert Abela waqt din il-laqgħa!

Naturalment biex seta’ jseħħ dan kollu kien meħtieġ li xi Ministru preżenti jkollu jew iċ-ċellulari tiegħu mixgħul biex Keith Schembri jisma’ kollox, inkella xi ħadd mill-Ministri kien qiegħed jinforma lil Keith Schembri permezz ta’ messaġġi kontinwi.

L-istorja ta’ messaġġi sigrieti hi logħba komuni għal Keith Schembri tant li għamilha kemm fir-rigward ta’ Yorgen Fenech tramite t-Tabib ħabib komuni tagħhom Adrian Vella – li sal-lum għadu ma tressaqx il-Qorti b’rabta ma tfixkil tal-investigazzjonijiet mill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech.

Mhux biss, iżda hemm suspetti kbar ukoll ta’ kuntatti sigrieti wkoll mal-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjonijiet dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.

Bla dubju ta’ xejn li l-Prim Ministru Robert Abela jrid joqgħod attent ħafna u jrid isib is-soluzzjonijiet ġusti kif il-Kabinett jaħdem bla tfixkil. Madwaru, inkluż f’Kastilja, għad hemm nies leali lejn Joseph Muscat u lilhom ma jġibuhx għajr f’wiċċu. Dan id-diskors japplika wkoll għas-sigurtà madwaru ffurmata mill-Pulizija.

Dan l-aħħar żewġ membri tal-Pulizija li kienu jiffurmaw parti mis-sigurtà ta’ Joseph Muscat kienu trasferiti mill-ġdid fit-Taqsima tat-Traffiku wara abbużi kontinwi li ngħad li huma kienu involuti fihom.

Jidher li fost il-membri tal-Pulizija li kienu joffru s-sigurtà lil Joseph Muscat kien hemm xibka ta’ abbużi serji u terza persuna għamlitha ta’ whistleblower u informat lill-Prim Ministru permezz ta’ korrispondenza.

Dwar dan il-każ nifhmu li għaddejja investigazzjoni interna mill-Pulizija stess, iżda sadattant il-Prim Ministru Abela għadu mdawwar b’persuni ‘antiki’ li kienu komdi bil-prassi ta’ Joseph Muscat u lilu ma tantx qed jarawh sabiħ. Konferma ta’ dan huma wkoll ċerti diskussjonijiet f’Kastilja stess.