Lokali

Il-Gvern irid jagħti kont dwar fejn marru l-flus mill-bejgħ tal-isptarijiet

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista jridu jagħtu kont lill-poplu Malti u Għawdxi dwar fejn marru l-flus tal-poplu misruqa bil-bejgħ tal-isptarijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara dan l-għada li l-Oppożizzjoni ppubblikat ir-rapport ta’ evalwazzjoni li fuqu kienet ibbażata l-għotja tal-isptarijiet tal-pubbliku lill-privat.

Fakkar kif mindu nbiegħu l-isptarijiet tal-poplu, l-ispiża tal-Gvern mux talli ma naqsitx, anzi żdiedet sena wara l-oħra biex fl-2019 il-Gvern spiċċa jħallas €50 miljun iktar.

Waqt li dawn il-flus huma kollha flus il-poplu, jidher li lanqas biss kienu biżżejjed għall-privat, li issa ħa f’idejh l-isptarijiet Maltin. Tant hu hekk li għaddejjin diskussjonijiet biex il-ftehim jiġi negozjat mill-ġdid u saħansitra hemm talba għal iżjed għotjiet mill-Gvern.

Dan meta suppost l-investituri kellhom jinvestu l-miljuni fl-isptarijiet ta’ pajjiżna … xi ħaġa li ma seħħitx tant li Vitals ġew u telqu, biegħu kollox lil Steward Healthcare. Lanqas dawn tal-aħħar għadhom ma nvestew xejn fl-isptarijiet Maltin.

Fid-dawl ta’ dan, Adrian Delia apella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu azzjoni u jordna investigazzjoni.

Min-naħa tiegħu Adrian Delia wiegħed li l-Oppożizzjoni mhix se tieqaf biss mal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport.