Lokali Qorti

Argumenti familjari fuq propjetá tispiċċa b’membru jweġġa’ lil ħuh u theddid bil-mewt

Argumenti sħan familjari dwar nuqqas ta’ qbil fuq donazzjoni ta’ propjetà, kienet il-kaġun biex raġel jispiċċa bi probation u ordnijiet stretti tal-Qorti biex kemm jonqos l-inkwiet li għandu mal-membri tal-familja tiegħu.

Raġel ta’ 46 sena minn Ħaż-Żebbuġ ammetta li bl-aġir tiegħu kkaġuna vjolenti biża lil omm u żewġ ħutu subien, li fera’ ħafif lil wieħed minnhom, insulentahom u saħansitra uża kliem ta’ theddid fil-konfront tagħhom.

L-inċident familjari seħħ nhar il-Ħadd li għadda, għall-ħabta ta’ nofs in-nhar, meta r-raġel ikkonfronta lill-membri tal-familja fuq argumenti li ilhom għaddejjin, li l-Ħadd skalaw sal-punt li huwa beda jheddidhom bil-mewt.

L-Avukat Alfred Abela li deher għall-akkużat qal li l-inċident tal-Ħadd seħħ peress li l-klijent tiegħu ilu jkollu nuqqas ta’qbil mal-familja tiegħu fuq il-fatt li ommu qed tirriffjuta biex huwa jbiegħ propjetà li kienet ingħatat lill-familja.

Li ġara huwa li r-raġel bena tliet appartamenti fuq terz ta’ propjetà li l-ispazju tal-arja tagħha ngħatat b’donazzjoni. Wara li huwa kien għadda minn żmien diffiċli fl-attività tan-negozju tiegħu, bl-affarijiet jiggravaw minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħa tiegħu, r-raġel xtaq li jbiegħ il-propjetà biex ikun jista’ jħallas taxxa li għandu pendenti u spejjeż oħra mediċi.

Minkejja dan, il-ġenituri tiegħu dejjem oġġezzjonaw bil-qawwa kollha, fejn dejjem qegħdin jinċitaw klawsola li kienet saret fil-kuntratt tal-propjetà, li l-post ma jistax jinbiegħ.

Minflok binhom kerha il-propjeta. L-inkwiet li beda nhar il-Ħadd u li wassal għar-raġel li jitressaq il-Qorti meta wieħed milli qed jikri l-postijiet mingħandu ċempillu.

L-Ispettur Kylie Borg spjegat li din is-saga familjari ilha sejra mhux ħażin u eskalat minkejja li kien hemm ordnoi tal-Qorti li l-akkużat ma jistax jersaq lejn il-familja tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, bil-qawwa kollha avżat lir-raġel biex ma jibqax jaġixxi b’dan il-mod, u wissietu li l-konsegwenzi jistgħu jkunu serji jekk ma jieqafx milli jippersisti b’dan l-aġir.

Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet mill-partijiet u l-fatt li huwa ammetta fi stadju bikri tal-prioċeduri, u l-fatt li l-kondotta tiegħu mhijiex waħda allarmanti, l-Qorti poġġoietu taħt ordni ta’ probation għall perjodu ta’ sentejn u tpoġġietlu fuqu garanzija għas-somma ta’ €1,000.

“Triq toqgħod attent u ma tkomplix tikkommunika mal-membri tal-familja tiegħek, u jekk jipprovokawk, mur għand il-Pulizija u sib l-għajnuna mingħand l-avukat tiegħek,” temmet tgħidlu l-Maġistrtat, li għalih deheru l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.