Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, għandu jwieġeb għala ħatar lill-ħabib tal-qalb tal-kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, fil-bord tal-FIAU lura fl-2014.
Dan saħqu l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iċ-Ċittadinanza, Karol Aquilina, waqt li kien qed jitkellem fid-dibatitu parlamentari dwar il-liġi li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri tal-baġit fejn għamel elenku dwar l-Istrateġija kontra l-Evażjoni Fiskali tat-Taxxa u l-Ħasil tal-Flus.
L-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, kien ħa post l-Assistent Kummissarju, Pierre Calleja, fuq il-bord tal-FIAU fil-21 ta’ Jannar 2014 wara li l-Ministru tal-Finanzi ħatru minn fost lista ta’ minn tal-anqas 3 persuni li pprovdielu l-Kummissarju tal-Pulizija.
Meta ġie biex jagħżel, Scicluna għażel lir-raġel tal-kollega tiegħu Ministru għal Għawdex fil-kabinett, Justyne Caruana, u d-deputat Nazzjonalista staqsa jekk aġixxiex waħdu f’din l-għażla jew jekk din l-għażla kinitx imponuta fuqu minn Kastilja u jekk qabilx ma’ din l-għażla imponuta.
Karol Aquilina saħaq li l-Ministru tal-Finanzi jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ din l-għażla oxxena li fiha timmanifesta espliċitament kunflitt ta’ interess meta kienu għaddejjin investigazzjonijiet tant kruċjali fl-FIAU. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni sfida lil Edward Scicluna jgħidx jekk il-Kummissarju tal-Pulizija ppreżentalux lista minn fejn jagħżel għaliex jemmen li lista ta’ 3 persuni jew aktar ma kinux provduti. Wieħed jistaqsi jekk kienx hemm il-lista għaliex possibbilment l-isem ta’ Valletta kien parti minn ftehim biex jitqiegħed fl-FIAU għall-interess assolut ta’ Kastilja.
Huwa fakkar kif Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech biex jara liċ-Chelsea fi Stamford Bridge u l-Finali taċ-Champions League fil-kapitali Ukrena, fakkar kif għal Fenech, Valletta huwa z-ziju li għażel li jitbellah u jitmejjel f’karozza lussuża tal-kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.
Fakkar kif kellha tkun il-Qorti Kostituzzjonali li tgħid lill-Kummissarju tal-Pulizija li kellu jneħħi lir-raġel ta’ Ministru minn fuq l-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju makabru ta’ Daphne Caruana Galizia.
Allura kien aktar minn ċar li l-Ministru Edward Scicluna ma kellu qatt jagħżel lil Silvio Valletta minħabba l-kunflitt ta’ interess u ta’ din il-kompliċità jrid iwieġeb.
Aquilina fakkar ukoll kif lura f’Ottubru 2017, f’mistoqsija parlamentari li għamel, Edward Scicluna naqas milli jwieġeb min kienu l-membri nominati bl-iskuża li l-lista pprovduta mill-Kummissarju tal-Pulizija hija kunfidenzjali u wieħed jistaqsi x’hemm sigriet li jipperikola lill-FIAU.
Tant Edward Scicluna jrid iwieġeb li d-deputat Nazzjonalista rrefera għall-ħatra oħra tinten fil-bord tal-FIAU, dik tan-nomina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hekk kif l-Avukat Ġenerali nnomina lilu nnifsu u l-Ministru tal-Finanzi għażel lil Peter Grech.
//= $special ?>