Għawdex Lokali Parlament

Id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem għad baqgħalha sal-aħħar tas-sena biex FORSI tiftaħ

Wara li dan il-proġett ġie varat fl-2016, għad baqa' aktar tenders x'jiġu varati biex titlesta d-Dar

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qas hu konvint li d-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem hijiex se tkun lesta sal-aħħar tas-sena. Dan peress li għad hemm tenders li ma ġewx ippubblikati għall-proġett li kien ġie varat f’Mejju 2016, tenders li baqgħalhom sa Marzu biex jiġu ppubblikati.

Id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem, magħrufa aħjar bħala Casa San Giuseppe, ilha għal dan l-aħħar 6 baġits tiġi mwegħda. Ritratti li Net News kien żvela f’Ottubru li għadda juru kif kienet għadha ġebel u saqaf.

Camilleri kien qiegħed iwiegħed mistoqsija parlamentari tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, fejn ikkonferma li hemm pjanat li tospita ftit anqas minn 120 persuna f’din id-dar, 120 persuna li ilhom 4 snin jixxenqu biex id-Dar titlesta.

F’mistoqsijiet supplementari kemm ta’ Chris Said kif ukoll tad-deputat Nazzjonalista, Kevin Cutajar, il-Ministru Laburista għal Għawdex naqas milli jwieġeb kemm se jkun hemm parkeġġi fid-Dar u fejn se jsir il-parkeġġ. Ma kienx jaf iwieġeb lanqas min se jamministra d-Dar tal-Anzjani, jekk hux il-Knisja, il-Gvern, il-privat jew xi arranġament bejn it-tlieta, u minn meta l-Gvern beda jħallas il-kera ta’ din l-art tal-Knisja.