L-ugwaljanza bejn is-sessi f’pajjiżna sejra lura bħal granċ, b’bosta figuri juru kif Malta għadha ferm lura fejn tidħol l-emanċipazzjoni tal-mara fuq livell Ewropew u anki dinji.
Dan saħqitu l-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, Claudette Buttiġieġ, waqt li kienet qed titkellem fid-dibatitu parlamentari dwar il-liġi li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri tal-baġit fejn elenkat kif il-baġit ma kellu ebda miżura favur l-emanċipazzjoni tal-mara. Din turi kif filfatt, il-Lejber fil-Gvern spiċċa ma għamel xejn ta’ sustanza biex itejjeb il-qagħda tal-mara Maltija fis-sena 2020, li qed tkompli taqa’ lura.
L-istatistika turi kif f’pajjiżna fil-fatt il-mara u r-raġel mhumiex indaqs meta l-Gvern Laburista jipprova jqarraq u jpinġi dan kollu mod ieħor. Dan huwa rifless fil-Parlament Malti fejn tispikka l-inugwaljanza fid-deputati eletti peress li minn total ta’ 69 Deputat, 9 biss huma nisa (13.6%). Fejn l-Oppożizzjoni għandha 6 Deputati nisa (20%), il-Gvern għandu sempliċiment 3 deputati nisa (8.3%). Bħala proporzjoni fuq livell globali, Malta waqgħet 40 post mid-90 post fl-2013 għall-130 post din is-sena.
Hawnhekk, id-deputata Nazzjonalista għamlet referenza għal mod kif pajjiżna jinsab fid-90 post minn 153 pajjiż madwar id-dinja, ċioè t-tieni minn l-aħħar qabel Ċipru fl-Unjoni Ewropea, fir-rapport tal-gender gap maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji għall-2020. U din hija sintomatika ta’ statistika oħra b’rabta mal-mara, fosthom fil‑pagi tan‑nisa, Malta waqgħet lura 19-il post, mis‑87 post fl‑2013 għall‑106 post fL-2018 u minn dakinhar ma ġie rreġistrat ebda progress.
Claudette Buttiġieġ semmiet ukoll kif fl‑ugwaljanza bejn is‑sessi fil‑pagi, Malta waqgħet mid‑19 għat‑48 post sal-2018, u fis-sentejn ta’ wara reġgħet waqgħet 10 postijiet oħra għat-58 post, biex mill-2013 ħadet tisbita ta’ 39 post. 25 post intilfu mill-2013 għal-lum fil-parteċipazzjoni pubblika tan-nisa, mit-53 post għat-78 post.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni elenkat ukoll kif l-akbar tisbita Malta ħaditha fis-saħħa tan-nisa, b’waqa’ ta’ 51 post minn 65 post fl-2013 għall-115 din is-sena. Tisbita mdaqqas oħra ġrat fil-kejl ta’ kemm mara Maltija mistennija tgħix b’saħħitha fit‑tul, minn 78 fl-2013 waqgħet 46 post għall-124 din is-sena.
Id-deputat Nazzjonalista saħqet kif dan juri kif l-investiment edukattiv fil-mara qed isir suf għaliex wara l-gradwazzjoni mill-Università, il-mara mhix tilħaq il-milja tagħha. Dan hu dovut għall-każ li ma hemm ebda inċentiv mill-Gvern għall-mara fid-dinja tax-xogħol biex iżżomm postha b’mod dinjituż, tant li l-effett taċ-childcare b’xejn fl-ekonomija mhux qed jirrifletti fuq il-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà.
Għalhekk, Claudette Buttiġieġ temmet tisħaq li huwa ta’ għajb li l-Gvern qiegħed jippreżenta kollox wara u żahar għaliex l-istatistika turi kif din hija daħka fil-wiċċ. Għalhekk l-appell lill-Kamra tar-Rappreżentanti biex tindirizza serjament dawn l-affarijiet kif ilhaq tisħaq l-Oppożizzjoni għaliex il-pajjiż qed jaħli nofs ir-riżorsi disponibbli.
Intant, bil-bidu tad-diskors tagħha, il-kelliema tal-Oppożizzjoni rreferiet għal deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfront tagħha fejn ikkonferma li lment li ressaq Anthony Degiovani dwar x’mistoqsijiet parlamentari ressqet fuq il-mejda tal-Kamra ma kienux ġustifikati. L-istess Degiovanni, li huwa ngaġġat mal-Gvern biex jipproteġi d-data tal-poplu Malti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, inkixef kif kellu l-wiċċ jimmanipula l-informazzjoni tar-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa għal Malta, Peter Omtzigt, fuq Wikipedia.
//= $special ?>