Lokali

AĠĠORNATA: Imut l-attur veteran George Micallef

Meqjus minn ħafna bħala ikona tat-teatru u anke tad-drama fuq it-televiżjoni Maltija, sbieħ it-Tnejn filgħodu ħalla din id-dinja George Micallef, fl-età ta’ 76 sena.

Imwieled fis-27 ta’ Diċembru 1943, George kien wiċċ sinonimu fuq NET Television sa mill-ftuħ tiegħu, b’għadd ta’ programmi popolari bħal Il-Ħadd it-Tajjeb, Sal-Misraħ u Forċina. Kien anke wieħed mill-preżentaturi li għal għadd ta’ snin għalaq il-Maratoni Ġbir ta’ Fondi li għenu biex l-istazzjon itejjeb il-programmi tiegħu.

Daħal fil-familja ta’ ħafna bis-sehem tiegħu f’sensiliet televiżivi u fuq il-palk, bħal Sisters, Ingroppi, il-Madonna taċ-Ċoqqa, Becky u KC, kif ukoll Fredu l-Fra, Bugħawwieġ u z-Zija ta’ Karlu, fost l-oħrajn. Kien jipparteċipa wkoll f’operetti u għal diversi snin ipproduċa u mexxa s-serata popolari Kantanapoli.

Il-karriera tiegħu fuq il-palk bdiet grazzi għall-għaqda tad-drama Gioventù Cattolica ma’ zijuh Pawlu Scerri. U fl-1975, hu fetaħ il-Valletta Dramatic Company ma’ Paul Mifsud. Ma’ din il-kumpanija, hu ħa ħsieb għadd ta’ produzzjonijiet, tant li baqgħet sinonima għall-operetti mtella’ regolarment fit-Teatru Manoel.

Fost dawk li ħadmu mill-qrib ma’ George kien hemm Charles Stroud, li dderieġa għadd ta’ sensiliet televiżivi, u anke Pawlu Testa, li pproduċa għadd ta’ reċti u pantomimi fuq il-palk li fihom ipparteċipa George.

Fost dawk li ħadmu mill-qrib miegħu wkoll kien hemm Mario Micallef, ħu George u wieħed mill-atturi magħrufa sew f’pajjiżna. Hu spjega magħna d-differenza bejn George il-bniedem privat u George il-persuna pubblika.

Fl-2018, NET Television onora lil George u lil Hector Bruno għas-sehem tagħhom fil-media Maltija, partikolarment fuq l-istazzjonijiet NET.

Dakinhar, emozzjonat, George sellem lil dawk kollha li f’dawn is-snin ħadmu miegħu u anke lil dawk li segwew il-ħidmiet tiegħu.

Louise Tedesco u Marbeck Spiteri kienu fost ħafna li matul is-snin ippreżentaw għadd ta’ programmi ma’ George. Marbeck kienet tafu wkoll fuq il-palk.

Għal diversi snin, George Micallef kien ukoll Segretarju u anke Viċi President tas-Soċjetà Filarmonika La Vallette tal-Belt – il-każin li tant kien għal qalbu.

Fuq Facebook, it-tmexxija tas-Soċjetà wasslet il-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb ta’ George. Min-naħa tiegħu, appena sema’ bl-aħbar, il-President tas-Soċjetà Jonathan Grima għamel kuntatt immedjatament ma’ ulied George u offirlhom l-appoġġ kollu tiegħu u ta’ sħabu f’dan il-mument diffiċli.

George Micallef ħalla warajh lil uliedu Ivan u Robert, lin-nisa tagħhom u uliedhom, kif ukoll lil ħutu, qraba u ħbieb oħrajn, li baqgħu miegħu sal-aħħar mumenti.

Hu se jingħata l-Aħħar Tislima l-Erbgħa, b’quddiesa praesente cadavre fis-2pm fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta.