Internazzjonali

Iowa: Jiftaħ is-siparju fuq l-istaġun tal-‘primaries’ fl-Istati Uniti

L-Istat ta’ Iowa hu l-ewwel Stat Amerikan, fi staġun twil ta’ proċessi, jew primaries, li se jgħin biex ikunu deċiżi l-kandidati li jikkuntestaw kontra xulxin fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Dan meta qed isiru l-proċessi magħrufa bħala caucuses f’dan l-Istat, fejn il-votanti Demokratiċi u Repubblikani jridu jagħżlu l-innominati preferuti fit-tellieqa għall-White House.

Filwaqt li rebħa f’Iowa ma tiggarantix in-nomina għall-kandidati inkwistjoni, ir-rebbieħ jew rebbieħa kapaċi jgawdi minn spinta importanti qabel il-caucuses fi Stati oħrajn.

Ma jidhirx li hemm il-problemi għal Donald Trump, il-President Amerikan attwali, li jidher kważi ċert li se jkun l-innominat tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza.

Intant, għad hemm 11-il sfidant li qegħdin jikkuntestaw għan-nomina tal-Partit Demokratiku.

Ħafna mid-Demokratiċi qattgħu l-aħħar ġimgħat imexxu l-kampanji tagħhom f’Iowa, magħrufa bħala ‘il-Midwest State’ u li hi l-ewwel Stat li kien qed jivvota f’dawn il-primaries. Intant, il-primaries se jkomplu għaddejjin sa Ġunju, bil-proċess li jmiss isir fl-Istat ta’ New Hampshire.

L-indikazzjonijiet huma, intant, li s-Senatur Bernie Sanders u l-eks President Amerikan Joe Biden (rivali fil-kamp tad-Demokratiċi) ħarġu bħala ż-żewġ favoriti għal trijonf f’Iowa. Sanders, erba’ snin ilu, kien tilef il-kampanja tad-Demokratiċi biex jikkuntesta kontra Trump għall-Presidenza tal-Istati Uniti u fejn kien spiċċa megħlub mill-eks First Lady , Hillary Clinton.

Sadattant, Elizabeth Warren, Amy Klobuchar u Peter Buttigieg huma fost id-Demokratiċi l-oħra li wkoll qed jippruvaw jiksbu t-tikketta tal-Partit Demokratiku biex jikkuntestaw għall-White House, Huma, fl-istess ħin, qed jittamaw li Sanders u Biden ‘ma jisirqux ix-xena għal kollox’ f’Iowa.

Filwaqt li qed isiru wkoll il-caucuses għall-Partit Repubblikan, il-popolarità ta’ Donald Trump (li qed jikkuntesta kontra żewġ kandidati) tant hi kbira fil-partit tiegħu li n-nomina tiegħu biex jikkuntesta l-elezzjoni Presidenzjali għan-nom tar-Repubblikani qed tidher sempliċi formalità.