L-NGO Repubblika tinsisti li l-Ministru Owen Bonnici jirrizenja. Jekk jibqa’ jwebbes rasu, Owen Bonnici għandu jitneħħa mill-Prim Ministru Robert Abela.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni u maġenb figura mċekkna ta’ Owen Bonnici, Repubblika fakkret fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-ġimgħa li għaddiet dwar it-tneħħija tax-xemgħat u l-fjuri li jfakkru lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-iskop tat-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat kien li jkun imxekkel id-dritt tal-protesta u kien metodu sistematiku li ntuża bħala strument ta’ firda.
Alessandra Dee Crespo, membru ta’ Repubblika, qalet li Owen Bonnici donnu għadu ma rrealizzax il-gravita’ ta’ din is-sentenza u jidher li għalih id-drittijiet fondamentali ma jfissrux xejn.
Dan meta kien Ministru tal-Ġustizzja u kien fid-dmir li jassigura li d-drittijiet fondamentali ta’ kulħadd ikunu mħarsa.
Staqsiet kif nistgħu nafdaw lil Owen Bonnici bħala Ministru tal-Edukazzjoni li jrawwem f’uliedna l-importanza tad-drittijiet fondamentali. X’eżempju qed jagħti u x’messaġġ qed jibgħat Owen Bonnici lill-istudenti bl-aġir tiegħu?, staqsiet Alessandra Dee Crespo.
Hi tenniet li Owen Bonnici għandu jirriżenja minn Ministru sabiex tingħata lezzjoni dwar il-ħarsien tal-liberta’ tal-espressjoni. Jekk dan ma jsirx, hi responsabbilta’ tal-PM Robert Abela li jneħħi lil Owen Bonnici. Repubblika ssostni li jekk il-PM jonqos milli jagħmel dan, anki hu ikun qed jibgħat messaġġ li ma jimpurtahx li Ministru tiegħu ċaħħad lil ċittadini mid-drittijiet fondamentali tagħhom.
//= $special ?>