Sport Sport Ieħor

Jurgen Balzan jirbaħ Grand Prix fi Franza fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Pariġi ġie organizzat il-Grand Prix Internazzjonali ta’ Franza. Total ta’ tliet plejers Maltin ħadu sehem, b’Jurgen Balzan jikseb l-aħjar riżultat bir-rebħ tal-kategorija ta’ taħt id-19-il sena. Balzan ddomina l-kategorija fil-grupp rispettiv u fil-finali għeleb lil Louison Giuaux ta’ Rochefort 1-0 fil-ħin miżjud.

Is-Sibt fil-kategorija tal-veterani, Jason Pisani ta’ Master Sanremo wasal sal-barrage wara l-gruppi fejn inqala’ kontra Daniel Sheen ta’ Royal Kaisermuhlen tal-Belġju 2-1.

Fil-kategorija Open, Massimo Cremona ta’ Napoli Fighters, wasal sal-kwarti tal-finali fejn kien eliminat 4-3 wara l-ħin barrani kontra Christophe Dheur ta’ Charleori.

Fil-kategorija tat-timijiet, it-tim ta’ Pisani wasal sas-semifinali u kien megħlub 2-1 mit-tim Belġjan Charleroi. Stembert li magħhom jilgħab Jurgen Balzan, wasal sal-finali iżda kien megħlub 2-0 ukoll minn Charleroi.

Il-Ħadd li ġej u l-ġimgħa ta’ wara, il-MTFSA tkompli l-kampjonati domestiċi fuq bażi individwali u l-kampjonat tal-klabbs fil-każin Banda San Ġorġ f’Bormla.