Lokali

AĠĠORNATA: Titlef ħajjitha l-mara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’Ħaż Żabbar

Justin Borg mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej

Tilfet ħajjitha Chantelle Chetcuti, l-omm ta’ żewġt ibniet minn Ħal Safi li l-Ħadd filgħaxija qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha u f’għonqha waqt argument f’Ħaż-Żabbar – f’dak li qed jitqies bħala l-ewwel omiċidju tas-sena.

Il-każ seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija – barra l-Każin tal-futbol tas-St.Patrick’s.

Jidher li l-vittma ta’ 34 sena spiċċat aggredita minn Justin Borg ta’ 33 sena minn Ħal Safi wkoll, missier uliedha u eks sieħeb ta’ Chetcuti.

Kien għall-ħabta tat-8.15pm meta xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li kien seħħ argument bejn mara u raġel u l-argument eskala barra fuq il-bankina. Kien hawn li r-raġel allegatament ta’ daqqiet ta’ sikkina lil-mara u wara ħarab minn fuq il-post.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi sabiex ħadu lill-mara l-isptar għal aktar kura. Ir-raġel ma kienx fil-post tal-argument, iżda ftit tal-ħin wara, hu ta’ ruħu b’idejh lill-Pulizija, meta mar fil-Kwartieri Ġenerali il-Floriana, mimli dmija u anke kellu xi feriti f’idu.

Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, arrestaw lir-raġel u saret tfittxija fuqu fejn allegatament instabet sustanza illegali, suspettata droga. Issejħet ukoll ambulanza li ħaditu lisptar għall-kura u wara li ngħata l-assistenza medika, huwa ttieħed taħt arrest fil-Kwartieri tal-Pulizija għall-aktar stħarriġ.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Justin Borg mistenni jitressaq il-Qorti llum waranofsinhar quddiem il-Maġistat Charmaine Galea akkuzat fost oħrajn b’ omiċidju u pussess ta’ droga.