Unions u Korpi Kostitwiti qed jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex għas-7 snin li ġejjin, jiżdiedu l-fondi Ewropej għal pajjiżna. Jekk ikun hemm tnaqqis fil-flus tal-UE għal Malta dan ikollu impatt fuq livell nazzjonali. Kemm-il darba il-finanzi jonqsu, se jkunu n-negozji l-ewwel li jintlaqtu.
Sostnew dan kemm il-Kamra tal-SMEs u anke l-UĦM Voice of the Workers f’kummenti lil Net News hekk kif it-Tnejn issejħet laqgħa tal-MCESD għall-unions u l-Korpi Kostitwiti.
Philip Fenech, il-Viċi President tal-Kamra tal-SMEs, spjega kif il-Gvern għandu l-opportunità li dawk il-flus li aktarx ser jintilfu mill-Fondi tal-Koeżjoni tal-UE, joħodhom minn inizjattivi oħra tal-Unjoni Ewropea. Fenech appella sabiex il-Gvern jieħu l-passi meħtieġa sabiex dan it-telf fil-pakkett finanzjarju li qed jiġi previst jiġi kkumpensat minn inizjattivi oħra.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela stqarr li l-flus disponibbli se jonqsu. F’messaġġ ċar li bħal donnu l-Gvern diġa’ qata’ qalbu li se jġib pakkett aħjar minn dak li ġab l-eks PM Lawrence Gonzi.
Kien eżatt fi Frar ta’ 7 snin ilu meta Lawrence Gonzi irnexxielu jġib għal Malta pakkett ta’ fondi Ewropej li laħaq kważi 1.2 biljun ewro. Il-pakkett finanzjarju li jmiss għandu jiġi konkluż sal-aħħar tas-sena, iżda l-aspettattivvi huma mħallta.
Andre Fenech, f’isem il-Kamra tal-Kummerċ kellimna wkoll dwar il-fatt illi x-xhur li ġejjin se jkunu krucjali anke biex tiġi stabbilita r-relazzjoni l-ġdida tal-pajjiżi Ewropej mar-Renju Unit.
It-Trade Agreement ma’ Londra għandu jkun konkluż sal-aħħar tas-sena.
//= $special ?>