Lokali

Preżentat id-dokument dwar il-governanza

Id-dokument dwar il-Governanza Tajba maħruġ mill-Kamra tal-Kummerċ kien it-tema ta’ laqgħa bejn l-istess Kamra tal-Kummerċ u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb fakkar li fit-tnedija tad-dokument f’nofs Jannar il-Kamra tal-Kummerc sostniet li l-pajjiż ma jistax jistenna li jesperjenza rati tajbin ta’ tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà fit-tul mingħajr tmexxija tajba. Dan fl-istess ħin li  n-negozji ma jistgħux jirnexxu mingħajr stabbiltà ekonomika.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern ma jaqbilx mal-proposti kollha tal-Kamra tal-Kummerċ iżda hemm ħafna proposti li wieħed jista’ jaħdem fuqhom.

Zammit Lewis qal ukoll li l-governanza mhux biss issue tal-Gvern iżda hi ta’ kulħadd fejn hi s-soċjeta’ kollha li teħtieġ bidla fil-mentalita’.

Edward Zammit Lewis, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kabinett dwar il-Governanza, qal li dan il-Kumitat iltaqa’ darbtejn minn mindu twaqqaf.

Dan il-kumitat jinkludi fost oħrajn lill-eks Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Dan il-kumitat għandu jieħu rendikont tal-miżuri li għad iridu jitwettqu skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Greco u tal-Kummissjoni Venezja. Fi kliem ieħor, kumitat li jinkludi lil Owen Bonnici, se jifli x’għamel jew m’għamilx Owen Bonnici meta kien Ministru.