Lokali

Proċeduri kriminali kontra Jimmy Magro

Sa fl-aħħar, jidher li l-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jimmy Magro se jiffaċċja proċeduri kriminali.

Dan kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta wara li kelliem għall-Pulizija kien ikkonferma li ħarġu akkużi formali fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ allegat każ ta’ tixħim u korruzzjoni.

Il-każ imur lura għall-2014 meta Jimmy Magro allegatament talab ħlas ta’ €25,000 jew 10% ta’ kuntratt tal-immaniġġjar tal-iskart maħruġ mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u li kellu valur ta’ kwart ta’ miljun ewro.

Il-każ kien spiċċa quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni li kkonkludiet li għalkemm ma’ kienux laħqu għaddew xi flus, il-Kummissjoni kienet moralment konvinta li kien hemm tentattiv minn Jimmy Magro biex jixxaħħam. Jimmy Magro kien impjegat ta’ Malta Enterprise u kien ukoll konsulent tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Dawn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kienu mgħoddija lill-Pulizija fl-2017 iżda għaddew iktar minn sentejn biex il-Pulizija iressqu akkużi formali fil-konfront tiegħu.

Inċidentalment, dan se jkun l-ewwel każ investigat mill-Kummissjoni Konra l-Korruzzjoni li se jispiċċa quddiem il-Qrati.

Fil-fatt, ebda wieħed mill-iktar minn 420 każ li kienu investigati mill-Kummissjoni sa mit-twaqqif tagħha fl-1988 ma wasslu għal proċeduri kriminali.

Xi ħaġa li qanqlet kritika, kemm mill-Greco kif ukoll mill-Kummissjoni Venezja, żewġ istituzzjonijiet ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni u l-governanza rispettivament.