Lokali

Rakkomandazzjoni biex il-permess għall-moll fil-Balluta jiġi rriffjutat

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il għaqda mhux governattiva laqgħu id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar li tbiddel ir-rakkomandazzjoni tal-case officer rigward il-moll privat fil-Bajja tal-Balluta għal waħda ta’ rifjut minn waħda ta’ approvazzjoni.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, flimkien ma’ diversi residenti u rappreżentanti tal-NGOs ippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għal din il-proposta tal-Fortina/Captain Morgan matul il-laqgħa tal-Kummissjoni tal-Ippjanar illum.

Huma qalu li l-proġett imur kontra numru ta’ policies tal-ippjanar u se jkollu impatt negattiv ferm fuq l-għawwiema u r-residenti. Qalu wkoll li l-applikazzjoni għal moll privat, li huwa parti minn network ħafna ikbar, qed tiġi ppreżentata biċċa biċċa u li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid l-applikant, ferry privat għat-turisti ma jistax jitqies bħala mezz alternattiv ta’ transport.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar aċċettat ħafna minn dawn l-oġġezzjonijiet u ordnat lill-case officer sabiex jelenka r-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni. Il-każ se jiġi deċiż b’mod definittiv nhar it-Tlieta, 11 ta’ Frar.