Lokali

Ir-rapport dwar Konrad Mizzi kellu jiġi investigat filwaqt li Brian Tonna u Karl Cini ttieħdet azzjoni fuq żewġ kumpaniji oħra

Dwar '17 Black' u Yorgen Fenech se jagħti x-xhieda bil-magħluq

Rapport li kien deher fil-media dwar Konrad Mizzi ma kienx wieħed finali. Iżda wara li l-FIAU kienet irċiviet aktar informazzjoni, dan kien għadda lill-Pulizija biex Konrad Mizzi jiġi nvestigat dwar ħasil ta’ flus.

Dan ħareġ meta l-Bord ta’ Inkjesta kompliet tisma’ x-xhieda dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Alfred Zammit li jaħdem l-FIAU kien l-ewwel xhud tal-lum fl-inkjesta ta din l-informazzjoni iżda dwar meta l-FIAU saret taf li Yorgen Fenech huwa sid 17 Black, huwa qal li ried jinforma lill-bord dwar dan bil-magħluq, liema talba kienet aċċettata.

Dwar Fenech u 17 Black il-mistoqsija saret mill-Avukat Therese Comodini Cachia, Madankollu d-Deputat Direttur tal-FIAU qal li nformazzjoni bħal din ried jagħtiha bil-magħluq, mingħajr il-preżenza tal-media. Hawn il-medja ntalbet toħroġ mill-awla.

Xhud ieħor kienet Marianne Scicluna, li taħdem bħala Chief Officer Supervision mal-MFSA. Hija qalet li kienet ittieħdet azzjoni fuq Brian Tonna u Karl Cini fuq żewġ kumpaniji, li waħdaminnhom mhijiex Nexia BT għax din ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-MFSA. Il-kumpaniji li ġew investigati huma BT International u BT Management.

Qalet li ħareġ minn din il-‘compliance visit’ fuq dawn il-kumpaniji hija li kien hemm xi affarijiet li l-MFSA talbet biex jiġu rranġati, fosthom fuq Governanza u fuq it-tip ta’ negozju li kienu qegħdin qed iġibu.

Kien hemm ċertu riskji fejn kienu qegħdin joperaw f’ġurisdizzjonijiet riskjużi. Ħafna mix-xogħol sar flimkien mal-FIAU bl-MFSA tgħaddilhom l-informazzjoni u sa fejn taf hi għadu ma ġie konkluż xejn minn naħa tal-FIAU.

L-ewwel xhud kien Alfred Zammit, li jaħdem mal-FIAU.u li ilu jaħdem magħhom minn Novembru 2010. Tenna li jokkupa l-kariga ta’ Deputy Director u għamel żmien ukoll bħala Acting Director meta kien rreżenja Manfred Galdes.

L-Avukat Comodini Cachia, li qed tidher għal familjari ta’ Caruana Galizia, fl-inkjesta li qed isir dwar l-assasinju tagħha, staqsietu fuq rapporti li deheru fil-media dwar rapporti tal-FIAU. Huwa talab li lest li jagħti nformazzjoni imma bil-magħluq.

L-Avukat Comodini Cachia qaltlu li dan iżda deher fil-medja….huwa wara għaraf ir-rapport bħala wieħed intern u huwa familjari għalih. Huwa qal li dan id-dokument qatt ma ntbagħat lill-Pulizija u qal li sfortunatament kontra l-liġi xi ħadd ħarġu, rapport li kien għadu ‘works in progress’….qal li dan mhux rapport u kkonferma li dan jikkonċerna lil Konrad Mizzi.

Zammit kompla jinsisti li jrid jixhed bil-magħluq u li hu ma jrid bl-ebda mod jikser il-liġi, u hawn beda ukoll jgħolli leħnu u ġie mwissi mill-Qorti biex iżomm il-kalma u ma jgħolliex leħnu.

Ikkonferma li dan id-dokument ma ngħatax lill-Pulizija għax kienu għadhom jaħdmu fuqu. Qal li huma u jaħdmu fuq każ wara li jkun lest iduruh internament – dan id-dokument kompla jinbidel.

Qal li r-rapport finali huwa totalment differenti minn dak li kien ippubblikat fuq il-media. L-informazzjoni li kellhom wara qal li kellu differenza u li l-FIAU kienu qegħdin jgħaddu informazzjoni lil dak iż-żmien Maġistrat Aaron Bugeja, llum Imħallef.

Ir-rapport innifsu u finali kien jgħid li l-FIAU kien li jgħid li l-Pulizija għandha tkompli tinvestiga lil Konrad Mizzi. Hija staqsietu ukoll fuq rapport dwar Keith Schembri u Adrian Hillman, li Zammit qal li jinsab għand il-Pulizija.

Qal li r-rapport intbagħat lill-Pulizija. Ix-xhud intwera dokument dwar Keith Schembri u l-bejgħ tal-passaporti. Zammit qal; li jidher li mhux ir-rapport eżatt imma simili. Il-format huwa differenti. Is-sustanza hija l-istess iżda.

Kompla jgħd li jsiru ħafna laqgħat mal-Pulizija. Jgħid li ġieli jingħataw aġġornamenti dwar xi każijiet. Tenna li sa fejn jaf hu l-Pulizija ħadet azzjoni u anke nfetħet inkjesta Maġisterjali.

Wara ġie muri rapport ieħor u li huwa dwar compliance –qal li dan huwa dik li tissejjaħ ‘initial findings letter’. Ittra li l-FIAU tibgħat lil entità bis-sejbiet ta’ analiżi on-site.

Kompla jgħid li kienet saret laqgħa bejn l-FIAU u rappreżentanti ta’ Pilatus Bank u KPMG. Il-bank insista li r-rapporti tal-KPMG u Camilleri Preziosi sabu li s-sejbiet tal-FIAU ma kienux vertitieri.

Kompla jgħid ukoll li f’dik il-laqgħa, Manfred Galdes aċċetta li jerġa’ jsir on-site visit. Kien bagħat l-istess tim ta’ nies. L-eżami follow-up saret wara r-riżenja ta’ Galdes. Jgħid li l-uffiċjali tal-FIAU imbagħad intwerew aktar dokumenti mill-ewwel darba fit-tieni on-site visit.

Qal li ma jafux jekk l-informazzjoni kinetx hemm qabel jew jekk saritx wara l-ewwel spezzjoni. Sostna l-proċeduri tal-FIAU fl-2016 ma kienux tajbin biżżejjed. Tenna li -ewwel compliance visit f’Pilatus saret f’Marzu tal-2016 u oħra saret f’Awwissu tal-istess sena. Ix-xhud qal li sa fejn jaf hu l-bank ma kienx fl-għajn tal-pubbliku mill-ewwel ġurnata li nfetaħ.

Fuq Pilatus Bank qal li l-FIAU għamlu l-verifiki fuq political exposed persons. Qal iżda li ma kienux jafu bid-dual filing system ta’ Pilatus Bank. Jgħid pero li din is-sistema mhix xi ħaġa rari. Qal li jekk ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus, dan ix-xogħol isir mit-tim ta’ investigazzjonijiet.

L-Avukat Comodini Cachia hawn uriet ittra ffirmata minn Zammit li fiha nforma lil Pilatus liema klijenti se jkunu qed janalizzaw. Staqsietu wkoll għaliex huwa żvela li Galdes kien irreżenja mal-bank u wieġeb billi qal li għamel dan għax Galdes kien diġa beda jikkomunika mal-bank.

Kienu konċernati ħafna fuq Pilatus Bank iżda dak iż-żmien ma kellhomx biżżejjed informazzjoni fuqhom u biex nieħdu azzjoni. Ma kienux kuntenti għax kienu mitluba affarijiet li qatt ma waslu. “Riedna nħallu ftit żmien biex nerġgħu mmorru ninvestigaw għaliex sfortunatment fl-2016 ma kellniex l-għodda biex nagħmlu dan,” qal ix-xhud.

L-Avukat Comodini Cachia wriet lil Zammit artiklu mill-gazzetta Illum. Hemm ukoll dokument mehmuż. Jgħid li qed jgħaraf ftit affarijiet. Tenna li identifika l-firma tiegħu fuq għadd ta’ ittri.

F’ittra minnhom kien hemm ammonti sinifikanti ta’ dokumenti li ma ntwerewx l-ewwel darba. Minkejja dan, Pilatus Bank ingħata “clean bill of health” staqsiet l-Avukat Comodini Cachia.

Zammit qal li għadu qed issir xogħol dwar Pilatus Bank. Spjega li l-bank intalab jirrilaxxa kull informazzjoni li għandu. Zammit qal li għadu qed issir xogħol fuq Pilatus Bank. Jgħid li l-bank intalab jirrilaxxa kull informazzjoni li għandu.

Ix-xhud għal darba oħra reġa’ rrepeta li lest jagħti informazzjoni li taf tgħin l-inkjesta jekk jingħata permess jixhed fil-magħluq. Ġie mistoqsi jekk kellu laqgħat ma’ Ian Abdilla, u filwaqt li wieġeb fl-affermattiv qal li ma jiftakarx fuq xhiex tkellmu, qal li normalment ikollu ħames meetings kuljum u ma jistax jiftakar kollox.

Għaldaqstant qal Zammit ma jiftakarx x’iddiskuta ma’ Abdilla. Tenna li mhux possibli jiftakar id-dettalji ta’ kull każ. Qal li ġieli saru wkoll laqgħat wara l-ħinijiet tal-uffiċċju.

Dwar rapporti fil-media fuq il-Panama Papers ttieħdu azzjonijiet u għaddew informazzjoni lill-Pulizija, anke jekk l-FIAU hija ħielsa li tibda tfittex informazzjopni hi, fosthom fuq Daphne Caruana Galizia.

Qal li l-FIAU użat informazzjoni mill-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u l-midja. Zammit jgħid li dwar il-Panama Papers, l-FIAU għamlet dak kollu li kien possibbli min-naħa tagħha. Zammit li sar ħafna titjib fl-FIAU dan iż-żmien.

Wara Zammit beda jixhed bil-magħluq fuq il-konnoxxenza tal-FIAU dwar meta sar magħruf li l-kumpanija 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech. Huwa dam madwar 25 minuta jixhed bil-magħluq fejn temm ix-xhieda.

Wara bdiet tixhed Marianne Scicluna, Chief Officer Supervision mal-MFSA. Qalet li hija mal-MFSA mill-1995 u telgħet għal dan il-grad f’Awwissu tal-2014. Hija qalet li l-MFSA qatt ma ħadet azzjoni fuq il-Panama Papers.

Therese Comodini Cachia staqsietha jekk l-MFSA ħaditx azzjoni kontra nies fil-ħajja pubblika. Scicluna tgħid li iva. Tgħid li ma kienx hemm azzjoni li ttieħdet b’rabta mal-Panama Papers.

Hija qalet li fuq Brian Tonna u Karl Cini fuq żewġ kumpaniji, li waħda minnhom mhijiex Nexia BT għax din ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-MFSA. Żvelat li l-kumpaniji huma BT International u BT Management.

Li ħareġ minn din il-‘compliance visit’ u qalet li qed titkellem mill-memorja li kien hemm xi affarijiet li talbu biex jiġu rranġati fuq Governanza u fuq in-negozju li kienu qegħdin qed iġibu.

Kien hemm ċertu riskji fejn kienu qegħdin joperaw f’ġurisdizzjonijiet riskjużi. Ħafna mix-xogħol sar flimkien mal-FIAU bl-MFSA tgħaddilhom l-informazzjoni u sa fejn taf hi għadu ma ġie konluż xejn minn naħa tal-FIAU.

Hija qalet li l-MFSA tgħaddi informazzjoni lill-FIAU dwar compliance u affarijiet oħra li jaħsbu li tkun ta’ relevanza għall-FIAU. F’dan il-każ raw ċertu affarijiet relevanti għall-FIAU u għaddewhomlom.

Dwar Pilatus Bank l-MFSA bdiet taħdem f’Settembru tal-2012. Kienu jsiru laqgħat qabel ma ssir l-applikazzjoni minn naħa tal-bank. L-applikazzjoni waslet fi Frar tal-2013. Qalet li d-ditta KPMG kienu involuti fil-ftuħ tal-bank meta sar ‘onsite visit’ fil-bank.

Il-proċess ta’ liċenzjar dam madwar disa’ xhur. Id-‘due diligence’ ma saritx mill-KPMG. Scicluna qalet li sar intelligence report minn kumpanija Ingliża għax Ali Sadr kien mill-Iran – ġurisdizzjoni ferm riskjuża

Dwar jekk Ali Sadr kellux esperjenza ta’ kif jitmexxew il-banek ix-xhud qalet li dan kien involut f’servizzi finanzjarji u li kellu nies oħra madwaru b’esperjenza relatata ma’ banek.

Scicluna qalet li saret ‘on-site visit’ f’Pilatus wara li ndunaw ċertu tkabbir. Ikkonfermat li qabel ma jsir ‘on-site visit’ ġieli jingħata avviż minn qabel. Saret spezzjoni sew fuq Governanza, transżazzjonijit u affarijiet oħra. Sadanittant l-MFSA identifika xi affarijiet li ma kinux serjissimi.

Ix-xhud kompliet tgħid li meta bdiet l-‘on-site inspection’ tal-FIAU, huma qassmu l-informazjoni ma-MFSA. Mill-esperjenza tagħha qalet li bank normalment jagħti rapport kull kwart tas-sena. Fil-każ ta’ Pilatus kienu jsegwu l-affarijiet aktar mill-qrib.

Scicluna sostniet li l-MFSA kienet tuża informazzjoni mill-blog ta’ Daphne Carauna Galizia. Tenniet li fis-sustanza l-blog kien ikun korrett fl-allegazzjonijiet li kienu jsiru fih. “Meta rajna x’kien ingħad fil-blog bdejna ninvestigaw jekk l-allegazzjonijiet kienux veritjieri jew le.”

Marienne Scicluna qalet li f’mument minnhom is-sitwazzjoni bl-ispetturi kienet qed issir problematika . Ma kinux qed iħossuhom komdi jagħmlu spezzjonijiet ‘on-site’. Dan minħabba l-iskrutinju tal-midja. Kien hemm min beda jiddejjaq aktar u aktar meta l-MFSA ddeċidiet li l-ispezzjoni kellha ssir. Dan wassal biex wieħed mill-persuni konċernati għażel li jirreżenja.

Il-persuna li kienet irreżenjat xogħolha kien ta’ ‘banking inspector’. Mistoqsija telabora dwar dan, ix-xhud qalet li l-ispetturi bdew iħossuhom skomdi għax ma ridux jispiċċaw f’xi ġurnal.

Qalet li l-MFSA riedet tagħmel spezzjoni fuq il-bank f’Mejju imma ngħataw permess jidħlu f’Novembru peress li kien hemm inkjesta għaddejja. Kompliet tgħid li kienet saret analiżi forensika tal-bank.

Finalment Scicluna titlob li tixhed wara bibien magħluqa jekk kienx hemm xi tħassib dwar il-liċenzjar ta’ Pilatus Bank mal-ECB. Din it-talba ġiet aċċettata bix-xhud tkompli tixhed bil-magħluq filwaqt li l-Bord ta’ Inkjesta talab lill-ġurnalisti joħorġu u nfurmati li l-inkjesta se tkompli nhar l-Erbgħa.

L-inkjesta qed tiġi preseduta mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia se qed jokkupa r-rwol ta’ chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. Flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia, l-Avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona.