Internazzjonali

Renju Unit: Il-film ‘1917’ jiddomina s-Serata tal-Premjijiet tal-Baftas 2020

Il-film dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija ‘1917’ kien ir-rebbieħ assolut fis-Serata tal-Baftas 2020 – fejn ikunu preżentati l-unuri għall-Aħjar Films u produzzjonijiet – u fejn kiseb b’kollox seba’ premjijiet.

L-unuri għal dan il-film dirett minn Sam Mendes kienu jinkludu dawk għall-Aħjar Film, l-Aqwa Direttur u l-Aħjar Ċinematografija.

Il-film ‘Joker’ rebaħ tliet ‘Grammys’ b’wieħed minnhom, għall-Aħjar  Attur, jintrebaħ mill-attur Joaquin Phoenix għall-parti prinċipali. Intant, l-attriċi Amerikana, Renee Zellweger, rebħet il-Bafta għall-Aħjar Attriċi għall-mod kif interpretat lill-karattru tal-mibkija kantanta Judy Garland.

Is-serata saret fir-Royal Albert Hall ta’ Londra, b’ Joaquin Phoenix, waqt id-diskors tiegħu, jikkundanna bla tlaqliq ‘ir-razziżmu sistematiku’ u l-‘oppressjoni’ fi ħdan l-industrija tal-films. Hu kien qed jirreferi għal tilwima dwar id-diversità u wara li l-atturi nnominati għall-Baftas kienu kollha bojod.

Intant, il-produzzjoni (film) mill-Korea t’Isfel, ‘Parasite’, rebaħ żewġ premjijiet – għas-screenplay oriġinali u għall-aħjar film li mhux bil-lingwa Ingliża.

Fl-istess ħin, is-Serata tal-Grammys ma rriservatx xi sorpriżi kbar, bil-film ‘1917’ jiddomina x-xena.

Id-direttur, Sam Mendes, qal li ħass pjaċir personali li din l-istorja li titratta l-Gwerra Kbira ‘u li hi qrib ħafna għal qalbu u għal qalb familtu’, setgħet tqanqal l-emozzjonijiet fost udjenzi daqstant kbar li marru jaraw dan il-film fiċ-ċinemas.

Mendes hu l-ewwel rebbieħ Britanniku ta’ Bafta għall-Aħjar Direttur mit-trijonf ta’ Danny Boyle, fl-2009, għall-film ‘Slumdog Millionaire’.