Internazzjonali

Renju Unit: ‘L-ebda ħtieġa’ li jsegwu r-regoli tal-UE għall-kummerċ

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, fassal il-viżjoni tiegħu għal ftehim kummerċjali mal-Unjoni Ewropea wara l-konklużjoni ta’ Brexit u fejn qal li ‘ma hemm l-ebda ħtieġa’ li pajjiżu jsegwi r-regolamenti ta’ Brussell. Dan waqt li Johnson sejjaħ għal ftehim għall-kummerċ ħieles fuq l-istil tal-Kanada, fejn sostna li r-Renju Unit għandu ‘jirritorna għall-Withdrawal Agreement f’każ li ma jiksibx dan il-ftehim’.

Madankollu, Michel Barnier, li mexxa n-negozjati dwar Brexit għan-nom tal-UE, baqa’ jinsisti li l-offerta ‘ambizzjuża’ għal ftehim kummerċjali min-naħa ta’ Londra tirrikjedi sitwazzjoni fejn kulħadd ikollu u jgawdi mill-opportunitajiet indaqs. Barnier qal ukoll li għandu jkun hemm access ‘reċiproku’ għall-ibħra fl-interessi tas-sajd.

Taħt il-ftehim bejn il-Kanada u l-UE, kienu eliminati ħafna mit-tariffi għall- importazzjoni fuq il-parti kbira tal-prodotti – biż-żewġ entitajiet igawdiu minn din is-sistema. Madankollu, fadal xorta l-obbligi doganali u tal-VAT bejn il-UE u  l-Kanada.

Min-naħa tiegħu, Boris Johnson għamel diskors fi Greenwich, Londra, li ibbaża ‘fuq il-ħtieġa li r-Renju Unit jirrealizza l-potenzjal tiegħu’. Fid-diskors spikka l-prospett li r-Renju Unit jirritorna għat-termini tal-World Trade Organization (WTO) f’każ li l-Mexxejja tal-UE jirrifjutaw li jiffirmaw għal ftehim dwar il-kummerċ ħieles ‘stil tal-Kanada’ ma’ Londra.

Boris Johnson, fl-istess ħin, enfasizza li l-Britanniċi għamlu l-għażla dwar Brexit u fejn iridu dan il-ftehim għall-kummerċ ħieles. Hu kompla li ‘fi kwalunkwe każ, m’għandux l-iċken dubju li r-Renju Unit irid igawdi żmien ta’ prosperità kbira’.

Il-Prim Ministru Britanniku intant kompla jiċħad il-ħtieġa li r-Renju Unit jaddotta r-regoli ‘magħmulin fi Brussell’ dwar il-kompetizzjoni, is-sussidji, il-protezzjoni soċjali u l-ambjent – ‘l-istess bħal sitwazzjoni fejn l-UE m’għandhiex tkun obbligata li taċċetta r-regoli tar-Renju Unit’.